Repubblika ma jaqblux li George Vella jmexxi l-kumitat dwar ir-riforma Kostituzzjonali

L-attivisti qed jisħqu li l-President ma għandu qatt jieħu sehem fil-proċess leġislattiv

Il-grupp ta’ attivisti li jġib l-isem ta’ Repubblika saħaq li ma jaqbilx li George Vella, ġaladarba jkun approvat u jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala President, imexxi hu l-konvenzjoni Kostituzzjonali.

Fi stqarrija, l-attivisti għamlu referenza għal rapporti li saħqu li kollox jindika li George Vella, biex aċċetta l-Presidenza, ried jingħata assigurazzjoni li se jkun hu li jmexxi l-kumitat, magħmul minn rappreżentanti nnominati mill-Prim Ministru u mill-Kap tal-Oppożizzjoni u li għandu f’idu r-riforma Kostituzzjonali.

Dan hekk kif kien hawn xniegħat persistenti, li kienu kkonfermati wkoll mal-ILLUM minn Deputati tal-Gvern, li l-President Marie-Louise Coleiro Preca xtaqet li tkompli hi f’dan l-irwol.

Madanakollu, Repubblika qed tinsisti li President li jieħu sehem fil-proċess leġislattiv qed joħroġ mir-rwol importanti li għandu u għalhekk ma jaqblux li jkun il-President li jmexxi dan il-kumitat.

“George Vella jaf għandu l-intenzjonijiet tajba kollha tad-dinja u nixtiqulu kull suċċess l-irwol il-ġdid tiegħu. Iżda indipendentement mill-karattru tiegħu, ir-rekord tiegħu, l-affiljazzjoni politika tiegħu u l-ġenwinità tal-intenzjonijiet tiegħu, aħna tassew mħassba mit-theddida ta’ President li waqt li jkun fil-kariga jieħu rwol politiku kontra s-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-liġi bażika ta’ Malta u tar-regoli fundamentali tal-ħajja demokratika Maltija,” saħqu l-attivisti.

L-attivisti komplew jispjegaw li jekk il-President ta’ Malta jagħti l-appoġġ u l-barka tiegħu għal pożizzjoni tal-partiti politiċi dwar tibdiliet kostituzzjonali, iqiegħed lilu nnifsu f’oppożizzjoni kontra dawk li jistgħu ma jaqblux.

“Tibdil kostituzzjonali m’għandux ikun ir-riżultat ta’ dak li jaqblu bejniethom il-partiti wara tpartit wara bibien magħluqa. Jekk jiġri hekk id-demokrazija tagħna tkun f’periklu akbar mill-agħar beżgħat tagħna,” kompliet tisħaq l-istqarrija.

Propju għalhekk li l-attivisti qed jinsistu li r-riforma għandha titmexxa miċ-ċittadini.

“Il-fehmiet li jafu ma jkunux pariġġ dak li jaqblilhom il-partiti politiċi li jafu jitħassbu dwar il-limitazzjonijiet tal-poter eżekuttiv u tal-ħakma tal-partitokrazija m’għandhomx ikollhom jiffaċċjaw ukoll ir-reżistenza tal-President ta’ Malta li minnu nistennew li ma jidħolx f’kontroversji,” komplew jispjegaw.

Huma saħqu li fis-sottomissjonijiet li għamlu lill-Kumitat ta’ Tmexxijja dwar Riforma Kostituzzjonali, qabel kien innominat George Vella, osservaw li Marie-Louise Coleiro Preca kienet għadha m’esprimiet ebda fehma dwar xi tibdil speċifiku tal-Kostituzzjoni u allura, fi kliemhom, kienet għadha ma kkompromettitx ir-rwol tagħha ta’ President ta’ Malta

“Iżda jekk fhimna sew li George Vella bi ħsiebu jmexxi il-proċess li jiddefenixxi r-riforma kostituzzjonali mit-tron Presidenzjali tiegħu, Repubblika tesprimi t-tħassib gravi tagħha li qed naraw lill-partiti politiċi jikkonsolidaw il-poteri tagħhom,” qalu l-attivisti.

More in Politika