'Lest ma nkunx Sindku basta nara lill-Belt titmexxa minn maġġoranza Nazzjonalista'

Inħatar Sindku ftit ġimgħat biss qabel l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali. Kif qed iħares lejn il-kariga? Il-PN se jirbaħ dan il-kunsill? X’se jagħmel dwar il-parkeġġ jekk jerġa’ jkun Sindku? U dwar l-ambjent f’ċertu żoni tal-Belt? Lest ikun Sindku full-time?

Christian Micallef, magħruf aktar bħala ġurnalist sportiv u preżentatur tal-programm Replay, iżda fil-15 ta’ Jannar li għadda ħa l-ġurament bħala s-Sindku tal-Belt Valletta wara r-riżenja għall-għarrieda tal-Professur Alexiei Dingli.  Iżda jibqa’ l-fatt, li Micallef daħal f’din il-kariga ftit ġimgħat biss qabel l-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej.

Fil-fatt, Micallef stess qalilna li bħalissa qed iħossu qed jaqdi żewġ irwoli, dak ta’ Sindku tal-Belt Kapitali, li fi kliemu ġġorr magħha ċertu responsabbilità li forsi sindki oħra ma għandhomx u anke ta’ kandidat f’lokalità fejn, fi kliemu, l-elezzjoni se tkun missielta ħafna.

Immedjatament il-kliem waqa’ fuq l-elezzjoni u kien għalhekk li staqsejna lil Micallef għalfejn jaħseb li l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għandu jżomm maġġoranza Nazzjonalista. It-tweġiba tiegħu kienet sempliċi:

“Nafu liema huma ż-żewġ settijiet ta’ kandidati. Meta tara l-kwalità tal-kandidati, nemmen li aħna tim aħjar iżda apparti minn hekk, l-aktar ħaġa li tiddistingwina mill-kandidati tal-Partit Laburista huwa l-fatt li aħna magħqudin, apparti li għandna l-aqwa viżjoni għall-Belt Valletta,” saħaq Micallef. “Li qed nagħmlu qed nagħmluh għax inħobbu l-Belt Valletta u mhux għall-prestiġju personali.

Kien dan li wassal lil Christian Micallef biex jisħaq li lest ma jkunx Sindku tal-Belt Valletta imma jara lill-Belt Valletta titmexxa minn maġġoranza Nazzjonalista. “Ma jistax ikollna kunsill immexxi minn maġġoranza Laburista li tibqa’ siekta jekk il-Gvern jagħmel xi ħaġa għad-dettriment tar-residenti Beltin,” kompla Micallef waqt li insista li ma għandu l-ebda problema li jaħdem id f’id mal-Gvern għall-ġid tar-residenti.

Kemm hu fiduċjuż li l-Belt Valletta se jerġa’ jkollha kunsill b’maġġoranza Nazzjonalista?

Iżda staqsejna lil Micallef kemm hu fiduċjuż li l-Partit Nazzjonalista se jżomm il-maġġoranza fil-Belt Valletta hekk kif fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsill Lokali f’din il-lokalità, id-differenza bejn il-partiti kienet ta’ 150 vot biss. Is-Sindku Belti wieġeb li hu fiduċjuż anke għax meta fl-elezzjoni ġenerali tal-2013, il-maġġoranza vvotaw għall-Partit Laburista, fl-istess ġurnata l-Beltin xorta vvutaw u għażlu lill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista biex imexxu l-kunsill lokali.

“Nemmen li din id-darba l-istess ħaġa tista’ terġa’ tiġri. Il-lokalità ma għandhiex titmexxa b’mod partiġġjan. Konvint li hemm ħafna Laburisti Beltin li mhux komdi bl-għażla tal-kandidati Laburisti fil-Belt Valletta. Dawn jitkellmu magħna fis-skiet. Mhux kuntenti bil-mod kif jaġġixxi l-Partit Laburista fil-Belt. Huwa ċar li għandek pereżempju kunsillier Laburist u Minority Leader li ma jaqblux.”

‘Il-PN huwa l-aqwa għażla f’dan il-mument għall-Belt’

Iżda s-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista u d-diżgwid li joħroġ fil-beraħ minn żmien għal żmien, kemm jaħseb li se jaffettwa din l-elezzjoni?

“Fuq livell nazzjonali naħseb li dan jista’ jkun li se jħalli effett,” saħaq is-Sindku. “Imma jien, min-naħa tiegħi, ma ġie l-ebda Deputat fuqi li rrifjuta li jgħinni jew inkella li mhux jgħin lill-Partit Nazzjonalista biex iġib il-maġġoranza.”

Kien hawn li saħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu għatx kbir li jerġa’ jirbaħ lill-Belt Valletta, anke għax skontu l-Partit Nazzjonalista huwa l-aħjar għażla, f’dan il-mument, għall-Belt Valletta.

Jason Micallef
Jason Micallef

U r-riżenja ħabta u sabta ta’ Alexiei Dingli se taffettwa?

Ma stajniex ma nitkellmux dwar ir-riżenja tal-Professur Alexiei Dingli minn Sindku tal-Belt Valletta, riżenja li ġiet bħal sajjetta fil-bnazzi u li qajmet elf mistoqsija li baqgħu mhux imwieġba. Dan se jaffettwa r-riżultat? Christian Micallef insista li Dingli ma għandu l-ebda problema mal-Partit Nazzjonalista u qed jagħti d-daqqa ta’ id tiegħu biex il-Partit Nazzjonalista jibqa’ fit-tmun tal-kunsill Belti.

“Jiena qed inżomm kuntatt miegħu,” saħaq Micallef. “Għalija għamel xi ħaġa dinjituża ħafna. Ħass li l-Belt Valletta kellha bżonn Sindku ġdid li se jikkontesta l-elezzjoni. Alexiei ta ħafna lill-Belt u ħalla legat importanti li għad irridu napprezzaw.”

U x’relazzjoni jixtieq ikollu ma’ Jason Micallef?

Hawnhekk il-kliem waqa’ fuq il-Fondazzjoni Valletta 2018 u r-relazzjoni xejn feliċi li kien hemm bejn Dingli u din l-istess Fondazzjoni. Christian Micallef fakkar li Alexiei Dingli kien dak li ħadem biex il-Belt Valletta ngħatat it-titlu tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

“Mhux se ndur mal-lewża. Ma kienx hemm relazzjoni tajba bejn il-Fondazzjoni u l-kunsill. Kommunikazzjoni ma kienx hemm,” saħaq Christian Micallef.

Mistoqsi jekk l-affarijiet hux se jinbidlu issa li Dingli rriżenja, Micallef qal li huwa mill-ewwel iltaqa’ ma’ Jason Micallef, li se jkun qed imexxi l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

“Kont inkun immatur kieku bqajt għaddej bil-kunflitt ma’ persuna li magħha ma naqblux fuq livell politiku,” saħaq Micallef. “Nibqa’ nsostni li Jason Micallef mhux dejjem aġġixxa fl-aqwa interess tar-residenti Beltin, iżda llum huwa fir-responsabbilità tiegħi li nassigura li jkolli relazzjoni tajba miegħu biex fejn ma naqblux, niddiskutu u fejn naqblu, naħdmu flimkien. Fejn id-deċiżjonijiet ikunu fl-aħjar interess tal-Belt u l-Beltin lest nimxi id f’id ma’ kwalunkwe politiku oppost tiegħi, inkluż ma’ Joseph Muscat.”

‘Ħloqna aspettattivi kbar fuq il-V18, iżda ftit niftakru dwarha’

Komplejna nitkellmu fuq il-Valletta 2018, li ngħiduha kif inhi, ma tantx ġiet imfaħħra mis-Sindku ta’ qabel. Staqsejna lil Christian Micallef x’jaħseb li se jkun “il-legat,” kif iħobb jgħid Jason Micallef, li ħalliet din is-sena. Is-Sindku mill-ewwel tkellem fuq diżappunti u saħaq li r-residenti ma kinux involuti biżżejjed.

“Biex insemmi ħaġa waħda biss, li jkollok kampjonat tal-futbol u l-Valletta FC ma jkunux involuti, meta l-attività kienet organizzata mill-Valletta 2018 ma naħsibx li jagħmel sens,” saħaq is-Sindku.

Semma wħud mill-attivitajiet li fi kliemu għamlu ġieħ lill-Belt Valletta, fosthom il-Festa l-Kbira, anke jekk fakkar li għaliha l-Kunsill Lokali Belti ma kienx mistieden. “Iżda kien hemm attivitajiet oħra fejn ħafna artisti Beltin tħallew barra,” saħaq Micallef.

“Naħseb ħloqna aspettattivi kbar għall-Valletta 2018, iżda ftit huma l-attivitajiet li niftakru. Il-legat li jrid iħalli dan it-titlu huwa dak li ġie fil-proċess tal-V18. Il-Valletta 18 ġiet bis-saħħa tal-viżjoni li Lawrence Gonzi kellu għall-Belt Valletta. Kien hemm ħafna proġetti, anke infrastrutturali li fetħu t-triq biex il-Belt Valletta saret Belt tan-nies u għan-nies, ħidma li kompla fuqha l-Partit Laburista wkoll,” insista s-Sindku.

‘Għal ħafna residenti l-V18 ġiet u marret u minnha ma ħadu xejn’

Ma stajniex ma nitkellmux mas-Sindku dwar mistoqsijiet li żgur ir-residenti Beltin jixtiequ jistaqsuh. Komplejna fuq il-Valletta 2018 u staqsejnieh jekk dan l-avveniment tax biżżejjed importanza l-ambjent li jgħixu fih il-Beltin, partikolarment fiż-żoni magħrufa tal-Mandraġġ, l-Aċipierku u d-Due Balli.

Christian Micallef saħaq li filwaqt li l-Belt Valletta hija mimlija proprjetajiet mill-isbaħ li jiswew il-flus u miżgħuda b’boutique hotels, jeżistu wkoll diversi realtajiet soċjali, fosthom nies li jgħixu waħedhom u mhux f’kundizzjonijiet tajbin.

“Għal dawn in-nies il-Valletta 2018 ġiet u marret u minnha ma ħadu xejn,” insista s-Sindku. “Ngħidu li llum li tgħix il-Belt saret lussu, iżda l-Belt hawn ħafna każi soċjali u jeħtieġ nindirizzawhom. Għandu jkun hemm għajnuna diretta biex nindirizzaw dawn il-każi. Hawn problema ta’ akkomodazzjoni fil-Belt. Għalfejn ma hawnx proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-Belt biex il-Beltin jibqgħu jgħixu fil-Belt.”

Kien hawn li assigura lil dawn il-persuni li l-Kunsill Lokali qiegħed viċin tagħhom u jinteressah minnhom waqt li fakkar is-servizz ta’ trasport b’xejn li l-Kunsill Lokali qiegħed joffri għall-anzjani, flimkien mas-settur privat, miżura li issa qed jintroduċuha wkoll kunsilli oħra.

‘Il-gwardjani lokali għandhom jaqgħu taħt il-kunsill’

Iżda apparti r-realtajiet soċjali, l-ambjent f’ċertu żoni tal-Belt ma tantx jilqgħek. Il-Belt mhijiex Strada Rjali u Strada Merkanti biss. X’jaħseb is-Sindku? “Qabel tkun fil-kunsill, toħlom u taspira li tbiddel. Iżda meta tkun fuq is-siġġu tal-poter taraha mod ieħor. X’fondi għandek? Kważi l-fondi kollha li nirċievu fil-Gvern jintużaw għat-tindif u manutenzjoni. Ma jifdallek xejn jew ftit għal proġetti ġodda,” saħaq is-Sindku.

Kompla jisħaq li l-kunsill lokali jrid ikun intelliġenti biżżejjed biex fondi għal dawn il-proġetti jġibhom minn bnadi oħra. “Trid taħdem inti biex iġġib jew fondi oħra mill-Gvern, jew mill-Unjoni Ewropea jew inkella tissieħeb mal-privat kif għamilna bit-trasport,” kompla jispjega Micallef.

Kien hawn li fakkar ukoll li meta l-gwardjani lokali kienu jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-kunsill lokali, il-flus miċ-ċitazzjonijiet kienu jidħlu għandu.

“Almenu meta xi ħadd kien iwettaq inkonvenjent għad-dettriment tar-resident, miċ-ċitazzjoni li jħallas, il-kunsill kien qed jinvesti f’xi ħaġa li minnha jgawdu r-residenti,” kompla Micallef. “Deċiż li naħdmu biex il-kunsill lokali tal-Belt Valletta jerġa’ jkollu f’idejh il-gwardjani lokali anke għax importanti li l-kunsill ikollu kontroll fuq is-sigurtà tal-lokalità.”

Il-parkeġġ. X’qed jipproponi?

Il-parkeġġ. Jibqa’ wġigħ ta’ ras għar-residenti Beltin. X’jaħseb Christian Micallef? Saħaq li dwar il-parkeġġ ma jilmentawx biss ir-residenti, iżda anke s-sidien tan-negozji li jinsistu li l-bejgħ naqas minħabba l-parkeġġ, għax skonthom hemm wisq parkeġġ riservat għar-residenti. Ovvjament, il-Beltin jgħidu bil-kontra.

“Irid jinħoloq bilanċ,” saħaq is-Sindku waqt li insista li din il-problema tista’ tkun indirizzata billi jissaħħaħ is-servizz tal-park & ride u billi jiġu implimentati proġetti ta’ parkeġġi barra l-Belt. Fost dawn semma l-proġett tal-parkeġġ ta’ Floriana FC.

“Il-Gvern kien wegħedna wkoll parkeġġ li kellu jieħu ħsiebu l-kunsill tal-Belt fi sħab ma’ Valletta FC li iżda sal-lum għadu ma ġiex mogħti lilna,” qalilna s-Sindku.

Iżda dawn jieħdu ż-żmien biex isiru. Christian Micallef jemmen li immedjatament għandu jissaħħaħ l-infurzar biex jonqos l-abbuż waqt li insista li jiddejjaq ħafna b’dawk il-każijiet ta’ persuni li jaħdmu jew għandhom l-uffiċini l-Belt u għax jistgħu jħallsu, jiġu jaqgħu u jqumu u jipparkjaw fuq il-parkeġġ tar-residenti.

“Alexiei Dingli kien ħareġ bi proposta u qegħdin f’diskussjonijiet biex min jinqabad jabbuża kontinwament mill-parkeġġ tar-residenti, mhux biss jingħata multa iżda jkollu l-karozza kklampjata biex lilu toħloqlu inkonvenjent,” saħaq Micallef. “Din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn nixtieq li l-gwardjani lokali jkunu jaqgħu taħt il-kunsill.”

L-interess tan-negozji qed jirbaħ fuq dak tar-residenti?

“Iżda ma taħsibx li xi kultant l-interess tan-negozji jirbaħ fuq dak tar-residenti?” staqsejna lis-Sindku li dlonk wieġeb li anke jekk mhux dejjem ikun faċli, is-soluzzjoni hi li dejjem jinstab bilanċ.

“Jekk irrid inkun populist ngħid li r-residenti Beltin għandhom jingħataw preċedenza. Fil-fatt hekk hu, iżda l-komunità kummerċjali ma nistgħux ninjorawha, anke għax din tħaddem ħafna Beltin ukoll. Għal raġunijiet ovvji, inkluż il-parkeġġ, sid ta’ ħanut jaqbillu jħaddem lil xi ħadd mill-Belt,” insista s-Sindku.

Alexiei Dingli kien qal mal-ILLUM li ma jaqbilx ma stabbilmenti bħal ristoranti u barijiet f’żoni residenzjali tal-Belt. Is-Sindku l-ġdid jaqbel perfettament ma’ dan u insista li ż-żoni residenzjali għandhom jibqgħu dejjem żoni residenzjali.

“Jinkwetani ħafna meta jkun hemm dan l-iżvilupp,” insista Micallef. “Irridu nżommu f’moħħna li fil-Belt jgħixu ħafna anzjani. Diġà qed ingerrxu ħafna Beltin inkluż anzjani.”

Micallef lest iħalli kollox u jkun sindku full-time?

U fl-aħħar nett, x’jaħseb dwar il-proposta li s-sindki jkunu full-time. Lest iwarrab kollox, inkluż il-karriera tiegħu, biex ikun Sindku full-time?

Christian Micallef hu tal-fehma li mhux is-sindki biss ikunu full-time imma anke d-Deputati Parlamentari.

“Biex nagħmlu dan, irridu ngħollu l-onorarja għal dawn in-nies biex nattiraw l-aqwa nies lejn il-politika tagħna,” insista Micallef. “Nassigurak li hemm ħafna nies li huma kapaċi u sal-lum għadhom ma resqux lejn il-politika minħabba din ir-raġuni. Għandhom karriera u l-paga ma tattirahomx.”

Mistoqsi direttament jekk hux lest iwarrab kollox biex ikun sindku full-time, Micallef wieġeb li l-Belt Valletta hija wisq għal qalbu u lest li jwarrab kollox biex iserviha.

“Erbaħt l-unur tal-aqwa ġurnalist tal-isport disa’ darbiet iżda dawn flimkien ma jagħmlulix l-unur daqskemm inħossni onorat li jien is-Sindku tal-Belt Valletta,” temm jisħaq Micallef.

More in Politika