Analiżi | Diskors li jgħid ħafna u jħalli barra wkoll... dak li qal Delia nhar l-Erbgħa

Il-ġimgħa li għaddiet, il-kap tal-PN Adrian Delia għalaq il-Kunsill Ġenerali b’diskors li ffoka l-aktar u b’tul fuq il-korruzzjoni u l-governanza, fuq ir-realtajiet soċjali u naturalment fuq il-barranin. X’jurina d-diskors ta’ Delia dwar id-direzzjoni tal-PN? X’effett jista’ jkollha din id-direzzjoni? U kemm qed jemmnuh in-Nazzjonalisti?

Din il-ġimgħa ġie fit-tmiem tiegħu l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista (PN) b’diskors mill-Kap tal-istess partit Adrian Delia. Din il-gazzetta, apparti li rrapportat fuq is-sit illum.com.mt, illum qed tagħti ħarsa iktar analitika wkoll lejn id-diskors ta’ Delia, mexxej li fi ftit ġimgħat oħra se jaffaċċja l-ewwel u l-eqqel test politiku tiegħu s’issa.

Id-diskors ta’ Delia jpinġi stampa iktar ċara tal-forma mentis tal-Kap tal-PN u allura dak li qed jaħseb, kif qed jaħseb dwar dawn il-kwistjonijiet u fejn irid imur. Din il-gazzetta ħarset lejn l-iktar użu frekwenti ta’ suġġetti f’diskors li dam siegħa u dan x’jista’ jfisser. Il-gazzetta iżda tat ħarsa wkoll lejn dawk is-suġġetti li l-Kap tal-PN ma semmiex u allura dan jindika x’inhuma l-aktar suġġetti li probabilment jixtieq jevita.

F’din l-analiżi naraw kif Delia jibqa’ żvantaġġjat mill-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia fuq il-korruzzjoni u l-governanza meta mqabbel ma’ Simon Busuttil, fuq l-għarfien ta’ problema ta’ ffullar u nuqqas ta’ proposti fuq l-immigrazzjoni u finalment fuq is-saħħa tiegħu fil-qasam soċjali. F’kull suġġett nagħtu ħarsa lejn l-effett elettorali (jew in-nuqqas ta’ effett) li jista’ jkollu l-ħsieb wara d-diskors ta’ Delia.

Madwar 20 minuta fuq id-demokrazija/governanza/korruzzjoni: tajjeb jew le?

Dan kien wieħed mill-aktar diskorsi illi fih Delia dam jitkellem fuq is-suġġetti tad-demokrazija, il-governanza u l-korruzzjoni. Dawn is-suġġetti ma twildux fil-PN ilbieraħ u allura sa ċerta punt Delia qed ikompli fejn ħalla Eddie Fenech Adami bl-għajta ta’ Xogħol, Ġustizzja u Libertà, meta dak iż-żmien il-PN kien jgħid li qed jiġġieled Gvern korrott u kważi despotiku li għamel ħbieb mal-agħar dittaturi taż-żmien. Qed ikompli wkoll fejn ħalla Simon Busuttil bil-‘Politika Onesta’ u ‘Nagħżel Malta’ meta l-PN kien qed jgħid li qed jiġġieled ‘l-aktar Gvern korrott fl-istorja’ li għamel ħbieb ma’ gvernijiet li xejn m’għandhom kredenzjali demokratiċi tajbin, primarjament l-Ażerbajġan.

Allura wieħed kien jistenna li Delia, li hemm perċezzjoni fost sezzjoni ta’ Nazzjonalisti li mhuwiex idoneu biex jiġġieled il-korruzzjoni, ikompli fejn ħalla ħaddieħor fl-oppożizzjoni.

Delia tkellem dwar il-korruzzjoni u sostna li min hu korrott mhux denju jmexxi lil pajjiżna. Din l-istqarrija, filwaqt li ħadd ma jista’ jikkontesta l-veraċità tagħha, hija 1) eku tal-kritika li kienet issir minn Simon Busuttil, bid-differenza li fuq Busuttil qatt ma kien hemm mistoqsijiet serji daqs kemm kien hemm jew jista’ għad hemm fuq Delia (kontijiet f’Jersey...). U fil-verità ladarba Delia (bħal Chris Cardona issa) waqqa’ l-libelli kontra l-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia qatt mhu se nkunu nafu min qal il-verità u min gideb fil-każ ta’ flus li kienu ġejjin minn racket ta’ prostituzzjoni minn Jersey. Min-naħa l-oħra iżda Delia kien fuq quddiem biex jiġġieled il-korruzzjoni fil-futbol u nies f’dan il-qasam jikkonferaw dan u aktar. Minħabba li l-akkużi dwar ċirku ta’ prostituzzjoni  huma aktar riċenti, ngħataw ħafna aktar spazju fil-midja u minħabba li l-akkużi li Delia u dawk ta’ madwaru huma “korrotti” u “karattri ħżiena” kienu ġejjin minn Daphne Caruana Galizia, l-effett ta’ stqarrijiet ta’ Delia dwar il-korruzzjoni xorta m’għandhomx is-saħħa li suppost ikollhom man-Nazzjonalisti.

It-tieni; l-istqarrija li min huwa korrott ma jistax imexxi lill-pajjiż ifisser li Delia għolla sew il-livell ta’ politika mistennija minnu u mill-PN. Dan huwa pożittiv minnu nnifsu, għalkemm huwa tajjeb ukoll li wieħed iżomm f’moħħu li Delia issa jrid ilaħħaq mal-livelli u aspettattiva li ħoloq hu stess. Ma jistax iġib skużi jekk ikollu każ ta’ korruzzjoni jew ta’ ħjiel ta’ korruzzjoni jew allegata mġiba ħażina minn xi ħadd fil-PN stess. S’issa fil-fatt f’kull każ ta’ kritika serja jew allegazzjonijiet ta’ abbuż ta’ poter, Delia żamm sod mad-Deputati jew MEPs tiegħu. Quddiem ir-rapport tal-Awditur baqa’ jappoġġja lil Jason Azzopardi fuq il-każ tal-art tal-Fekruna, fuq akkużi u allegazzjonijiet ta’ teħid ta’ kokaina waqt il-ħin tax-xogħol baqa’ jappoġġja lil David Casa u meta l-Qorti qalet li Toni Bezzina kien abbuża mill-pożizzjoni tiegħu (bħala President tal-Kumitat Sezzjonali  - PN Żurrieq) Delia qabeż għalih ukoll.

L-unika riżenja li qatt talab s’issa Delia kienet ta’ Simon Busuttil li la kellu investigazzjoni tal-awditur, la deċiżjoni tal-Qorti u lanqas allegazzjonijiet relatati mad-droga kontrih.

Ħtif tal-istituzzjonijiet...

Delia akkuża lill-Gvern bi ħtif tal-istituzzjonijiet filwaqt li qal illi l-Kummissarju tal-Pulizija huwa ‘puppazz’.

Huwa ċar illi f’dan kollu Delia qed jimmira lejn appoġġ mingħand dawk in-nies li fuqhom ma jidhirx li qed iħalli l-effett mixtieq hu stess. Dawk in-Nazzjonalisti li għadhom jemmnu lil Caruana Galizia dwaru, dawk li jemmnu illi Delia huwa karattru ‘dubjuż’ (ikkonfermat fil-psike tagħhom bl-għajjat u t-tgħajjir li semgħu f’rekordings dwaru) u dawk li għalihom il-korruzzjoni għandha tibqa’ kwistjoni numru wieħed li l-PN jeħtieġ jiġġieled biex ikun jista’ jirbaħ.

Fil-fatt l-ewwel 20 minuta tad-diskors kienu xi ftit jew wisq marbutin ma’ dan is-suġġett bi stqarrijiet bħal; ‘il-Gvern qed jaħtaf l-istituzzjonijiet’, ‘l-istituzzjonijiet huma mġarrfa’ u ‘d-demokrazija hija mhedda’.

Imma l-mistoqsija ċentrali tibqa’ din: Kemm qed iħalli effett dan id-diskors? Kemm se jkun żiemel rebbieħ is-suġġett tal-governanza? Jista’ bil-korruzzjoni u b’kwistjonijiet bħal tal-VGH jerġa’ jġib in-nagħaġ mitlufin Delia u magħhom jgħaqqad lil dawk il-floaters li forsi mhumiex kuntenti bil-Gvern?

Dawn il-mistoqsijiet ikunu mwieġba partikolarment f’Mejju li ġej meta naraw jekk l-użu ta’ dan is-suġġett, fil-fatt għenx biex dawk li ma jemmnux f’Delia jerġgħu jarawh bħala bniedem integru u idoneu biex ikompli fejn ħalla Simon Busuttil fuq il-governanza u l-korruzzjoni.

Naturalment wieħed irid iqis ukoll kemm Delia qed jattira lejh grupp ta’ nies Nazzjonalisti li ma kinux jivvutaw qabel għax ma qablux ma’ Busuttil u li issa qed jerġgħu jappoġġjaw lill-PN. Jekk imqar dan il-grupp jagħmel tajjeb għat-telf tal-PN (li jista’ jlaħħaq l-eluf), Delia jkun jista’ jiffoka aktar fuq kif il-partit se jsir attraenti għal dawk il-ħafna eks Nazzjonalisti li llum qed jivvutaw lill-Partit Labsurista.

Il-barranin ta’ kwalità... imma kif? Għarfien ta’ problema, imma bla proposti ċari

Il-kwistjoni tal-barranin tibqa’ waħda favorita ta’ Delia.

Fir-realtà, lil hinn minn kull kunsiderazzjoni oħra, hija vera li l-ammont tal-barranin f’pajjiżna żdied bil-kbir. Dan iġib miegħu żviluppi pożittivi, imma anke negattivi li fl-aħħar ġimgħat u anke l-Ħadd li għadda din il-gazzetta tkellmet dwarhom.

Delia reġa’ aċċenna għall-bżonn li nġibu “barranin ta’ kwalità” u mhux dawk li qed “jisirqu (jużurpaw) lil pajjiżna.”

Il-problema ta’ Delia f’dan il-qasam mhix li qed imiss ferita, imma li mhux qed jgħid kif qed jisirqu lill-pajjiż. Għalfejn qed jisirqu? Għax hemm minnhom li mhux qed iħallsu t-taxxa? Imma dik it-tort tagħhom jew ta’ min qed iħaddimhom u ta’ min suppost qed jara li ħadd ma jevadi t-taxxa? U aktar importanti minn hekk, kieku Delia jkun PM għada stess kif se jiddieċiedi min hu ta’ kwalità jew le? Ta’ kwalità jiġifieri nies ta’ ċerta skola u sfond soċjali biss? U jekk hu hekk min se jibni? Min se jkaħħal? Min se jiżbogħ? Min se jiġbor iż-żibel? U nistgħu niqbgħu sejrin...

Il-punt kollu hawnhekk mhuwiex kemm l-immigrazzjoni hija meqjusa bħala problema. Sondaġġ tal-Kummissjoni Ewropea juri biċ-ċar illi l-Maltin huma l-poplu li l-aktar jaħsbu illi l-immgrazzjoni hija problema. Il-punt hawn huwa kif Delia se jbiddel l-istqarrijiet fl-arja għal fatti fuq il-karta, bħala liġi.

Il-problema l-oħra ta’ Delia hawnhekk hija li l-PN għandu kompetizzjoni ħarxa. Għal min huwa kompletament razzist u jaħseb li l-bojod huma superjuri se jkun hemm Norman Lowell f’Mejju, għal min ma jridx iktar immigranti f’pajjiżna anzi possibilment dawn jitkeċċew kollha għandu lill-Patrijotti u mbagħad hemm il-Partit Laburista li jiġbor fih ukoll ammont ta’ persuni li huma razzisti però jippreferu jivvutaw lill-Partit Laburista minħabba kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi.

Jiġifieri tajjeb li Delia jerġa’ jagħmel kalkolu sobriju ta’ kemm fil-fatt tilef u kemm qed jattira voti bl-istqarrijiet tiegħu dwar l-immigrazzjoni, apparti naturalment li jirrispondi l-mistoqsija ovvja ta’ x’jagħmel kieku hu jkun Prim Ministru.

L-argument tiegħu dwar dak li qal il-PM u l-pensjonijiet mhux b’saħħtu. Huwa fatt li jekk jonqsu l-barranin bil-kbir, se jonqos id-dħul tal-Gvern bil-kbir!

Anke hawn f’Mejju nkunu nafu x’effett kellu dan id-diskors u kemm il-PN attira votanti li qed iħossu li l-pajjiż qed isir wisq iffullat u li jħossu illi l-immgrazzjoni huma xi forma ta’ theddida għall-identità.

Dritt ta’ saqaf fuq rasek... b’saħħtu fis-soċjal

Fis-soċjal, f’dak kollu li jolqot in-nies aktar direttament Delia jibqa’ b’saħħtu, speċjalment imbuttat mill-kariżma tiegħu, mal-laqgħat frekwenti li qed ikollu man-nies kif ukoll mill-idea, perċezzjoni jew fatt li l-Gvern “kibritlu rasu.”

L-argument ta’ Delia, magħmul grafikament f’karikatura nhar il-Ħadd li għadda fuq il-gazzetta ILLUM, huwa b’saħħtu u jħalli effett. L-idea li l-Gvern qed jitrateni fil-qasam tad-djar u l-akkomodazzjoni soċjali filwaqt li qed “jagħti” meded kbar ta’ art bi prezz li ma jirrifletti xejn il-valur tal-art tinżel tajjeb u toqros u tweġġa’ lil sezzjoni ta’ nies li qed jikru u qed isibu problema biex ikampaw finanzjarjament.

Delia qed jagħfas ukoll fuq il-bżonn li saqaf fuq rasek ikun dritt u mhux lussu, għal darb’oħra proposta li tagħmel sens.

Bla dubju li l-PN adotta politika, kemm taħt Simon Busuttil u anke issa, li hija aktar ċentru-xellug favur is-solidarjetà u l-wens u ż-“żgħir” vulnerabbli kontra l-kbir “li qed jibla’ u jiffoxna”.

Naturalment wieħed jistaqsi; imma dan se jfisser aktar voti għall-PN?

Il-fatt, spjegat b’mod eċċellenti f’intervista fuq din il-gazzetta minn Sammy Meilaq ġimagħtejn ilu, huwa li Muscat irnexxielu jsib bilanċ delikat bejn il-kapitaliżmu sfrenat u l-qrubija mal-miljunarji u dawk li jarawh bħala ‘baqra li teħleb minnha’ u dawk li għandhom bżonn l-għajununa mill-Gvern jew li jinsabu fil-livelli baxxi tas-soċjetà.

Miżuri bħaċ-child care, il-benefiċċju tal-qgħad għall-ewwel tliet snin tal-impjieg, żieda fiċ-childrens’ allowance, żidiet fil-pensjonijiet u żidiet f’diversi benefiċċji jfissru li l-Gvern, bis-saħħa tal-flus ta’ pajjiż b’ekonomija b’saħħitha jista’ jibqa’ jindirizza problemi soċjali.

Dan ikun ifisser li minkejja li Delia jkollu raġun, jibqa’ bir-raġun għax in-nies jafu li l-problema tagħhom se tkun indirizzata llum jew għada mill-Gvern.

Naturalment kontra l-Gvern u favur Delia issa hemm iż-żmien. Iktar kemm jgħaddi żmien iktar se tibda tiżdied il-perċezzjoni li l-Gvern ‘inqata’’ mill-poplu.’ S’issa iżda, forsi sorprendentement għax fit-tieni leġiżlatura, il-Gvern Laburista xorta għadu meqjus bħala wieħed li għandu konoxxenza tajba ta’ dak li għandu bżonn il-poplu u l-probabilità hija li din il-perċezzjoni hekk se tibqa’ sa Mejju li ġej.

Minkejja li fil-qasam soċjali Delia jibqa’ iktar b’saħħtu milli f’oqsma oħrajn, hu qed jiġġieled kontra magna kbira, effiċjenti, li taqdi n-nies u li għandha marbuta magħha qawwa medjatika u ta’ propoganda.

X’kienu l-aktar suġġetti li semma?

  • Żgħażagħ – aktar minn 22 darba
  • Korruzzjoni – 10 darbiet
  • Barranin – 6 darbiet
  • Demokrazija – 5 darbiet
  • Saqaf fuq rasek – 5 darbiet

X’ma semmiex fid-diskors Delia?

  • X’jiġri wara l-elezzjonijiet tal-MEPs jekk il-PN jitlef bil-kbir
  • Id-differenzi u l-ġlied intern fil-Grupp Parlamentari
  • Ir-reklamazzjoni tal-art... favur jew kontra?
  • Mina: favur jew kontra?
  • L-insib: favur jew kontra?
  • Trattament ta’ Mario Portelli u pazjenti tas-saħħa mentali
  • Egrant u l-Avukat Ġenerali
  • L-envelope bid-droga li rċieva Jason Azzopardi
  • 17 Black u Macbridge
  • L-akkużi kontrih ta’ vjolenza domestika
  • Il-filmat tal-PM jaqbeż u jkanta flimkien ma’ martu Michelle

More in Politika