Il-PN jgħid li l-ħatra ta' George Vella hija 'opportunità mitlufa'

Fi stqarrija l-PN ma jawgurax lil Vella u jgħid li se jitlaqqa' l-Grupp Parlamantari biex jiddiskuti din il-ħatra ...

"Il-Partit Nazzjonalista b’dispjaċir jinnota li l-Prim Ministru ma’ kienx kapaċi jirreżisti l-pressjoni partiġġjana interna biex ma’ jaħtarx President mill-kamp politiku oppost jew wieħed li jġib il-qbil taż-żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati. Dan meta kien hemm biżżejjed żmien biex isir dan. Dan kien ikun l-ewwel pass ċar li juri li l-Gvern verament jrid jattwa tibdiliet serji li jerġgħu jagħtu kredibilità lill-pajjiżna u lill-istituzzjonijiet." 

Hekk sostna l-Partit Nazzjonalista fl-ewwel reazzjoni tiegħu għat-tħabbira fuq Twitter tal-Prim Ministru Joseph Muscat li George Vella se jinħatar President tar-Repubblika. 

Il-Partit Nazzjonalista kien ippropona li President tar-Repubblika maħtur biż-żewġ terzi tal-voti tal-kamra jista’ wkoll jingħata l-aħħar kelma meta l-Kamra tad-Deputati ma’ taqbilx b’żewġ terzi tal-voti dwar għażliet ta’ ħatriet ta’ kummisjonijiet u awtoritajiet  kostituzzjonali (bħall-Awtorità tax-Xandir, il-Kummissjoni Elettorali, l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u oħrajn)."

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed ilaqqa’ l-Grupp Parlamentari sabiex jiddiskuti din il-ħatra importanti.

 

 

More in Politika