Sant'Iermu u t-tempji preistoriċi jirreżistu iżda siti oħra tal-Heritage ġarrbu ħsarat

Fosthom kienu rrappurtati t-tiġrif ta’ parti mill-ħajt estern tas-sit preistoriku ta’ Tas-Silġ f’Marsaxlokk, xi danni strutturali f’wieħed mil-paviljuni tal-Katakombi ta’ San Pawl

Is-swar tal-Forti Sant'Iermu lbieraħ
Is-swar tal-Forti Sant'Iermu lbieraħ

Il-maltemp tal-bieraħ ma kkawżax ħsara biss fit-toroq madwar Malta u Għawdex iżda anke f'għadd ta' siti ta' Heritage Malta.

Fi stqarrija, Heritage Malta qalet li għalkemm it-tempji preistoriċi ta’ Ħaġar Qim u l-Mnajdra, u t-tined protettivi tagħhom ma ġewx affetwati, iċ-ċentru tal-viżitaturi sofra xi danni esterni.

Apparti minn hekk, ir-riħ kkawża ħsarat fuq Egmont Hall fil-Forti Sant’Anġlu, partikolarment fis-saqaf. Xi pannelli esterni informattivi ġew ukoll affettwati.

Ħsarat oħra rrappurtati jinkludu t-tiġrif ta’ parti mill-ħajt estern tas-sit preistoriku ta’ Tas-Silġ f’Marsaxlokk, xi danni strutturali f’wieħed mil-paviljuni tal-Katakombi ta’ San Pawl, u xi siġar li nqalgħu bir-riħ f’xi siti ta’ Heritage Malta.

Riħ qawwi ħakem direttament lil Forti Sant’Iermu iżda dan ma wassal għall-ebda ħsara, iżda s-sit ngħalaq temporanjament bħala miżura ta’ prekawzjoni, l-aktar għax l-inħawi fejn jinsab il-forti huma esposti ħafna għar-riħ mill-grigal. 

Minħabba l-kundizzjonijiet estremi tat-temp, il-Park Arkeoloġiku ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra fil-Qrendi u Forti Sant’Anġlu l-Birgu ma nfetħux għall-pubbliku, primarjament għal raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà.

Wara nofsinhar, il-Mużew Marittimu kien ukoll temporanjament magħluq peress li nqata’ d-dawl.

Illum, is-siti u l-mużewijiet kollha ta’ Heritage Malta huma miftuħa għall-pubbliku.

More in Politika