'Il-White Paper dwar il-kirjiet ma toffrix soluzzjonijiet fit-tul' - Il-Kamra tal-Kummerċ

 Il-Kamra tal-Kummerċ tisħaq li l-istatus quo fis-suq tal-kiri mhuwiex sostenibbli

Il-Kamra tal-Kummerċ uriet it-tħassib tagħha mal-Gvern dwar l-isfida tal-kirjiet f’pajjiżna u insistiet li l-White Paper li ppreżenta l-Gvern ma ħolqitx soluzzjonijiet fit-tul.

Fi stqarrija maħruġa aktar kmieni llum il-Kamra tal-Kummerċ qalet li l-istatus quo fis-suq tal-kiri mhuwiex sostenibbli waqt li kompliet tgħid li ma jagħmilx sens li l-bini jkompli tiela’ u jibqa’ vojt meta l-ekonomija tbatti.

Hija tilmenta wkoll kif il-pressjoni tal-bini qed toħloq stress fuq l-infrastruttura tal-pajjiż, partikolarment fuq is-suq tad-djar.

Kien għalhekk li l-Kamra tal-Kummerċ tat dawn is-suġġerimenti lill-Gvern:

  • Biex jirrevedi l-kriterji tal-programm taċ-ċittadinanza b’investiment fil-propjetà
  • Biex isir awditjar tal-propjetà pubblika u privata battala kollha, segwit minn inċentivi biex jintużaw ir-riżorsi
  • Jiġi ċċarat l-irwol tal-Awtorità tal-Ippjanar biex tiżgura li jsir il-bini permanenti meħtieġ mis-soċjetà tal-lum u t’għada
  • Jiġu implimentati r-riformi proposti mill-Kamra tal-Kummerċ u entitajiet oħra fl-2018 dwar bini residenzjali mikri qabel Ġunju tal-1995
  • Joħroġ b’aktar soluzzjonijiet vijabbli u effettivi li joħolqu akkomodazzjoni mhux permanenti.

Is-sena li għaddiet, il-Gvern kien ressaq il-White Paper dwar il-kirjiet privati liema White Paper il-Gvern qal li qed iressaqha biex joħloq aktar stabbilità fis-suq. Fost il-miżuri li ppropona u li l-aktar li tkellem dwarha kien hemm dik dwar il-bżonn li jkun hemm durata minima, jiġifieri li kuntratt ta’ kirja privata ma jistax ikun iqsar minn perjodu ta’ żmien.

L-ILLUM kienet żvelat li l-Gvern qed iħares lejn minimu ta’ sena li iżda tkun ikkumplimentata b’inċentivi fiskali għal dawk li jagħmlu kuntratti li huma itwal minn hekk.

More in Politika