Ir-riħ waqaf iżda għad fadal ħafna xogħol ta' tindif u manutenzjoni fit-toroq

L-ILLUM titkellem mad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tat-Tindif, Ramon Deguara, li spjega kif ilbieraħ biss neħħew madwar 70 tunnellata ta' skart u ħmieġ ieħor li nġema' fit-toroq

Għalkemm ix-xemx għadha ma ħarġitx tittawwal, ir-riħ donnu li qiegħed jikkalma xi ftit, iżda dan ma jnaqqas xejn mill-ħerba sħiħa li lbieraħ ħalla warajh.

Dan is-sit tkellem mad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tat-Tindif, Ramon Deguara, li spjega kif anke llum, il-ħaddiema kollha tiegħu jinsabu fit-toroq, assistiti minn membri tal-Forzi Armati, tal-Protezzjoni Ċivili u anke tal-Ministeru għall-Infrastruttura biex ineħħu kull periklu li jista' jkun hemm fit-toroq.

Fil-fatt, sa ftit tal-ħin ilu, kienet għaddejja operazzjoni fix-Xemxija biex titneħħa siġra kbira li waqgħet u għalqet triq għal diversi sigħat.

Skont Deguara, ilbieraħ biss tneħħew madwar 70 tunnellata ta' skart u ħmieġ ieħor li nġema' fit-toroq kawża ta-riħ u l-baħar qawwi li donnu ried jibla l-art, b'aktar tunnellati mistennija li jinġabru llum.

Mill-filmat tal-fotografu Ian Noel Pace
Mill-filmat tal-fotografu Ian Noel Pace
Mill-filmat tal-fotografu Ian Noel Pace
Mill-filmat tal-fotografu Ian Noel Pace

Iżda x-xogħol ma jieqafx mat-tindif, hekk kif immedjatament wara jkun irid jibda x-xogħol ta' manutenzjoni. Mistoqsi kemm kien hawn ħsara, Deguara qal li bħalissa qed jittieħed kont tas-sitwazzjoni, iżda jidher li l-ħsara hija waħda kbira u mxerrda ma' Malta u Għawdex kollu u dan biex ma nsemmux il-ħsara li ġarrbu negozji u djar privati viċin il-kosta.

Mistoqsi wkoll jekk fadalx periklu b'xi siġar, li lbieraħ theżżu waħda u tajba u li bħalissa qed iżommu fuq ix-xejn, Ramon Deguara appella lill-pubbliku biex jinforma lill-awtoritajiet jekk jilmaħ xi siġra li tista' tkun ta' periklu.

Ara hawn filmat tal-fotografu Ian Noel Pace tal-ħerba li ħalla warajh il-maltemp:

More in Politika