Petizzjoni parlamentari biex il-Gvern jixtri lura Manoel Island u jbiddilha f'park naturali

FAA qed tisħaq li Manoel Island għandu jkun post miftuħ fejn kulħadd ikun jista’ jgawdi mhux biss in-natura imma anke l-wirt storiku

Flimkien għal Ambjent Aħjar qed tħeġġeġ lil dawk li għandhom għal qalbhom l-ambjent Malti biex jiffirmaw petizzjoni parlamentari li qed tħeġġeġ lill-Gvern biex jixtri mill-ġdid Manoel Island u jbiddilha f’park nazzjonali biex jitgawda mill-poplu u t-turisti.

Fi stqarrija, FAA qalet li Malta hija mibnija erba’ darbiet aktar mill-medja Ewropea u minħabba t-traffiku l-karozzi u n-nuqqas ta’ infurzar l-arja f’ħafna lokalitajiet hija ħażina ħafna. Fakkret li dan kollu qiegħed iwassal għal ħafna mard, fosthom ażma fost it-tfal, apparti impatt fuq is-saħħa mentali.

Filwaqt li fakkret li Manoel Island hija waħda mill-ftit postijiet miftuħa li għad fadal, din se tkun qed tinbidel ukoll f’kumpless ta’ appartamenti lussużi.

Kien għalhekk li qed tħeġġeġ lill-Gvern biex jixtri lura Manoel Island u jbiddilha f’post pubbliku miftuħ fejn kulħadd ikun jista’ jgawdi mhux biss in-natura imma l-wirt storiku li jdawwarha.

Fakkret li dan ikun qiegħed isalva wkoll il-veduti ikoniċi minn Triq ix-Xatt u anke joffri opportunitajiet ġodda lil ħafna sajjieda u sidien ta’ dgħajjes li jagħmlu użu minn din iż-żona.

Qed tħeġġeġ ukoll lill-Gvern biex jieħu ħsieb jirrestawra l-promenade tal-Gżira li fi kliemha ilu snin twal mitluq u esplojtjat għad-dettriment tal-pubbliku.

“Dan il-perjodu ta’ tkabbir ekonomikun joffru opportunitajiet storiċi lill-Gvern biex ibiddel l-iżbalji tal-passat u jitniżżel fl-istorja bħala l-Gvern li ħoloq park ċentrali għal Malta. Manoel Island hija l-aħħar żona mhux mibnija fl-inħawi tal-portijiet; ġawrha arkitettonika u naturali għandha tkun tal-poplu kollu,” ittemm tisħaq l-istqarrija.

More in Politika