Żewġ organizzazzjonijiet qed joffru pilloli lin-nisa biex jagħmlu abort b'€90

Minkejja li l-abort għadu mhux legali f'Malta 'Women Help Women’ u anke ‘Women on Web' qed jibgħatu pilloli abortivi - Mifepristone u Misoprostol - lil nisa Maltin biex jagħmlu abort għal €90

L-abort f'Malta għadu mhux legal, imma xorta qed isir
L-abort f'Malta għadu mhux legal, imma xorta qed isir

Minkejja li l-abort f’Malta għadu illegali din il-gazzetta tista’ tirrapporta illi fil-fatt mara Maltija tista’ tagħmel abort f’Malta stess. Dan hekk kif żewġ organizzazzjonijiet ‘Women Help Women’ u anke ‘Women on Web,’ qed joffru li jibgħatu pillola abortiva  - Mifepristone jew Misoprostol – lin-nisa bil-posta għall-prezz ta’ €90. Dawn il-pilloli jistgħu jintużaw b’mod sigur fl-ewwel10 ġimgħat tat-tqala. Kull teħid ta’ dawn il-pilloli wara huwa ferm perikoluż, kif tgħid il-Ġinekoloġista Astrid Camilleri f’dan l-artiklu.

Id-dibattitu dwar l-abort reġa’ qam wara li l-ġimgħa li għaddiet NGO fir-Renju Unit, Abortion Support Network (ASN), ħabbret li se tkun qed testendi s-servizzi tagħha lin-nisa f’Malta u f’Ġibilità li jkunu jixtiequ jwettqu abort. Apparti li tgħin nisa li jekk ikunu jridu jsiefru jwettqu abort, ASN toffri wkoll informazzjoni dwar aġenziji li jipprovdu pilloli biex wieħed jagħmel dak li jissejjaħ abort mediċinali.

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet kemm mal-Avukat Ramon Bonett Sladden, li mill-perspettiva legali saħaq li dawk in-nisa Maltin li jikkunsmaw dawn il-pilloli u jwaqqfu tqala jkunu wettqu reat kriminali, u anke mal-ġinekologa Astrid Camilleri li mill-perspettiva medika saħqet li dawn il-pilloli huma perikolużi ħafna.

Fi kliem il-ġinekologa, l-ewwel u qabel kollox wieħed ma għandu qatt jafda pillola li tasal għandu bil-posta.

“Kif se tkun taf x’fiha din il-pillola? Anke jekk tinkludi dak li suppost fiha, il-pillola abortiva hija perikoluża ħafna,” saħqet Camilleri. “Dawn huma mediċini u ma tafx x’qed tieħu. Lil kull min jiġi għandi u jitlobni din il-pillola, dejjem hekk ngħidlu.”

Kompliet tispjega kif persuni li fil-privatezza ta’ darhom jieħdu din il-pillola, ħafna drabi xorta waħda jkunu kostretti jfittxu għajnuna medika, fosthom għax jista’ jkun li jibdew jaraw ħafna demm.

Mistoqsija jekk tobba jistgħux jindunaw li persuna tkun ħadet pillola abortiva, il-ġinekologa qalet li s-sintomi ġeneralment ikunu simili għal dawk ta’ korriment naturali u għaldaqstant huwa diffiċli ħafna li tabib jew ġinekologu jagħmel din id-differenza, sakemm il-persuna stess ma tistqarrx dan.

“Iżda ġeneralment mhux se jgħidu li jkunu ħadu pillola abortiva għax jafu li jkunu għamlu xi ħaġa illegali,” saħqet il-ġinekologa, waqt li fakkret li t-tobba u l-ġinekologi jistgħu jirrapportaw każi simili.

Is-sit tal-ASN fejn qed ikun irrakkomandat minn fejn persuna tista' tixtri pilloli abortivi
Is-sit tal-ASN fejn qed ikun irrakkomandat minn fejn persuna tista' tixtri pilloli abortivi

Anke jekk saħqet kif ma tistax tifhem kif pillola illegali tista’ tasal bil-posta qisu xejn mhu xejn, għax fi kliemha dan ifisser li wieħed jista’ jimporta kulma jrid, il-ġinekologa tinsab ċerta li dawn il-pilloli ilhom jiddaħħlu f’Malta.

“Meta jkollok mara ġejja u serja inkwetata għax ma tridx it-tarbija, tistaqsik x’tista’ tagħmel jew jekk tistax tieħu l-pillola u f’daqqa waħda tisparixxi, nissuspetta. Xi ħaġa jkun ġara,” saħqet Camilleri.

Mistoqsija meta hija effettiva din il-pillola, il-ġinekologa spjegat kif ġeneralment persuna teħodha fl-ewwel xhur tat-tqala tagħha. Kompliet tispjega kif jekk mara teħodha aktar tard fit-tqala, jista’ jkollha ħafna kumplikazzjonijiet, jista’ jagħti l-każ li twelled qabel iż-żmien iżda x’aktarx ma titlifx it-tarbija.

L-importazzjoni ta’ pilloli abortivi huwa illegali?

Mill-aspett legali, l-ILLUM tkellmet ukoll mal-Avukat Bonett Sladden dwar jekk għaqdiet bħall-ASN hux jiksru l-liġi meta qed jirriklamaw u jesportaw lejn Malta xi ħaġa li skont il-liġi Maltija hija illegali. Fi kliemu, sakemm mhux jiksru l-liġijiet ta’ pajjiżhom, dawn ma jkunu qed jagħmlu xejn kriminali.

Madanakollu spjega li huwa assolutament illegali li din il-pillola tkun ikkonsmata f’Malta biex mara twaqqaf it-tqala. “F’dan il-każ, l-abort qed isir Malta u huwa assolutament illegali,” spjega l-Avukat.

Il-lista ta' prezzijiet biex jinxtraw dawn il-pilloli
Il-lista ta' prezzijiet biex jinxtraw dawn il-pilloli

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ kelliem tal-Awtorità tal-Mediċina li spjega kif l-ewwel u qabel kollox kwalunkwe persuna li jkollha bżonn timporta mediċina għall-użu personali tagħha għandha bżonn riċetta tat-tabib.

Iżda aktar minn hekk, spjega kif kwalunkwe persuna li timporta f’Malta u allura għandha fil-pussess tagħha mediċina li hija illegali, awtomatikament qed tikser il-liġi.

Mistoqsi direttament dwar pilloli abortivi, il-kelliem saħaq li jekk il-pillola hija intenzjonata għall-abort, ġaladarba f’Malta l-abort huwa reat kriminali, qiegħed jikser il-liġi anke jekk sempliċiment jimportaha.

“Il-kokaina u l-eroina wkoll huma mediċini u f’Malta huma illegali,” kompla jispjega l-kelliem. “Min jimportahom jew ikun fil-pussess tagħhom, qed jikser il-liġi. L-istess jgħodd għall-pilloli abortivi.”

X’tgħid il-liġi Maltija dwar mara li tikkaġuna l-abort tagħha stess?

Dwar l-abort, il-liġi Maltija hija ċara u tonda. “Kull min b’ikel, b’xorb, b’mediċini, jew bi vjolenza jew b’kull mezz ieħor, jikkaġuna l-abort tal-mara tqila, sew bil-kunsens kemm ukoll mingħajr il-kunsens tagħha, jeħel, meta jinsab ħati, il-piena ta’ priġunerija minn 18-il xahar sa tliet snin.”

Il-paragrafu ta’ wara jkompli jgħid: “L-istess piena tingħata kontra l-mara li tikkaġuna l-abort fuqha nfisha, jew li tkun qagħdet għall-użu tal-mezzi li bihom l-abort ġie kkaġunat.”

Kemm hu faċli li ġġib pillola abortiva f’Malta u kemm tiswa?

Il-gazzetta ILLUM żaret is-sit ta’ Abortion Support Network, liema sit issa għandu wkoll ħolqa bil-Malti li jagħti l-informazzjoni kollha lil dawk in-nisa li jixtiequ jsiefru biex jagħmlu abort legali jew inkella li “qed ifittxu informazzjoni dwar aġenziji reputabbli li jipprovdu pilloli - li huma siguri iżda illegali - għal abort mediċinali.”

Il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa, li kienet ukoll irrappurtat dwar l-użu ta' dawn il-pilloli  - din il-Fondazzjoni qed titlob li l-abort ikun dikriminalizzat
Il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa, li kienet ukoll irrappurtat dwar l-użu ta' dawn il-pilloli - din il-Fondazzjoni qed titlob li l-abort ikun dikriminalizzat

Anke jekk dan in-Network qed jirriklama dawn il-pilloli, iwissi mill-ewwel li “jeżistu xi riskji - inkluż konsegwenzi legali - li huma assoċjati ma’ li tixtri mediċini minn fuq l-internet.” Fil-fatt hu stess jgħid li “ma nissuġġerixxu lil ħadd li jieħu mediċini mingħajr superviżjoni medika, jekk dan huwa possibbli.”

In-Network jisħaq li hemm żewġ organizzazzjonijiet reputabbli, li huma ‘Women Help Women’ u anke ‘Women on Web,’ li jipprovdu pilloli għal abort mediċinali u anke pariri. Madanakollu, minnufih jaħsel idu mill-operat tagħhom u jgħid li: “l-ASN ma tieħu ebda responsabbilità għall-azzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet.”

L-ILLUM żaret is-siti ta’ dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet li t-tnejn li huma jitolbu donazzjoni biex ikopru l-prezz tal-pilloli u anke tal-posta.

L-ewwel sit li żorna, “Women on Web,” joffri servizz ta’ konsultazzjoni online ta’ 25 mistoqsija u jekk il-mara ma jkollha l-ebda marda severa u ma jkollhiex aktar minn 10 ġimgħat tqala, tabib liċenzjat japprova l-pilloli abortivi li jintbagħtu bil-posta.

L-NGO tisħaq li l-pillola tista’ tittieħed id-dar, sakemm wieħed ikollu l-informazzjoni kollha għax huma siguri u għax jittieħdu qishom mediċina normali. Madanakollu, fl-istess nifs, twissi lill-klijenti biex jassiguraw li jkollhom aċċess għal kura medika urġenti f’każ li jkun hemm komplikazzjonijiet u biex jekk possibbli, ma jeħduhomx meta jkunu waħedhom.

Jekk mara Maltija tordna pillola abortiva minn fuq dan is-sit, il-prezz huwa dak ta’ €90.

It-tieni sit, Women Help Women, jilqak billi jgħidlek li jekk inti tqila u ma tixtieqx it-tarbija, m’intix waħdek. “Miljuni ta’ nisa kull sena jtemmu t-tqala,” jisħaq dan is-sit, waqt li jinsisti li huwa dritt ta’ kull mara li tikkontrolla ħajjitha.

Minn fuq dan is-sit, f’10 minuti mara tista’ twieġeb sett ta’ mistoqsijiet biex ikun assigurat li ma għandha l-ebda kundizzjoni li timpediha milli tieħu dawn il-pilloli. Jekk dan ma jirriżultax, il-pillola tintbagħat bil-posta għall-prezz ta’ €75, anke jekk l-NGO tappella għal donazzjoni akbar.

‘Dawn l-organizzazzjonijiet jimpurtahom biss mill-abort’

Fil-kummenti tiegħu ma’ dan is-sit, l-Avukat Ramon Bonett Sladden saħaq li dawn l-organizzazzjonijiet ma jimpurtahom minn xejn aktar ħlief li nisa li ma jkunux jixtiequ tarbija jwettqu abort.

Għall-kuntrarju fakkar li l-Fondazzjoni LifeNetwork Malta toffri wkoll assistenza kemm lil dawk in-nisa li ma jkunux iridu t-tarbija, lil dawk li jkunu mġiegħla biex iwettqu abort, fi kliemu xi kultant anke minn tobba Maltin u anke lil dawk in-nisa li jwettqu abort għal diversi raġunijiet, jiddispjaċihom u jkollhom bżonn l-għajnuna.

“Aħna ma rridux li min jagħmel l-abort imur il-ħabs…dak xogħol il-Pulizija. Aħna l-għan tagħna huwa li noffru l-għajnuna lil dawn il-persuni,” saħaq Bonett Sladden. “LifeNetwork Malta toffri l-appoġġ lil kulħadd. Dawn l-għaqdiet qed jitħallsu għall-abort u daqshekk. Ma jimpurtahomx x’jiġri wara jew minn dawk li qed ikunu mġiegħla jagħmlu abort iżda jixtiequ jżommu t-tarbija.”

Lara Dimitrijevic
Lara Dimitrijevic

Id-dibattitu dwar l-abort f’Malta…

L-ewwel darba li d-dibattitu dwar l-abort ifformalizza ruħu kien f’Marzu tas-sena li għaddiet meta l-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa kien ippreżentat Position Paper li fiha qed tipproponi li l-abort ikun dikriminalizzat u allura ma jibqax punibbli bil-priġunerija.

Mal-ILLUM, Lara Dimitijevic kienet qalet li għalkemm l-abort f’Malta jibqa’ tabù, mir-riċerka li għamlet il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa, jirriżulta li f’Malta hawn bejn 300 u 400 mara li jew wettqu l-abort barra minn Malta jew inkella ordnaw il-pillola abortiva minn fuq l-internet.

Dimitijevic kienet semmiet ukoll riċerka li turi kif it-tqala mhux mixtieqa jista’ jkollha ħsara psikoloġika u effetti fuq is-saħħa fiżika tal-mara u kien hawn li mill-ġdid fakkret li l-mara hija individwu u għalhekk ma għandhiex tbati.

Fil-Position Paper, il-Fondazzjoni kienet appellat biex l-abort ikun aċċessibbli u jsir b'mod sigur f'ċerti każi fosthom, stupru, inċest, biex tkun salvata l-ħajja tal-mara, problemi serji fil-fetu, u anke meta hemm riskju ta' mard mentali u fiżiku għall-omm.

Kemm il-partiti l-kbar u anke l-partiti ż-żgħar dejjem iddikkjaraw li huma kontra kull forma ta’ abort, anke jekk il-ġimgħa li għaddiet, l-Alternattiva Demokratika kienet appellat għal dibattitu rispettuż dwar dan is-suġġett delikat.

X’jaħsbu l-Maltin dwar l-abort?

Mill-aħħar stħarriġ dwar l-abort tal-MaltaToday, li kien ippubblikat fi Frar tas-sena li għaddiet, 83% ta’ dawk li ħadu sehem kienu wieġbu li ma jaqblux mal-abort fl-ewwel 12-il ġimgħa tat-tqala anke jekk f’ċertu ċirkostanzi.

95% wieġbu li ma jaqblux mal-abort mingħajr l-ebda raġuni, fl-ewwel 12-il xahar tat-tqala u 97% qalu li ma jaċċettawx li xi ħadd jagħmel abort, mingħajr l-ebda raġuni, f’kull stadju tat-tqala.

Maġġoranza relattiva qablet biss mal-abort meta l-ħajja tal-omm tkun fil-periklu. 46% kienu wieġbu favur, 27% kontra u 27% ma kinux jafu jwieġbu.

Mistoqsija jekk jaċċettawx li jsir abort f’każ lit-tarbija tkun se tbati minn diżabilità severa, 67% wieġbu li ma jaqblux. 18% biss wieġbu favur.

Il-Maltin jidher li lanqas f’każi ta’ stupru ma jaċċettaw li jsir abort hekk kif kienu 15% biss li wieġbu favur filwaqt li 72% wieġbu kontra.

More in Politika