Anzjan akkużat li attakka sesswalment mara b'kundizzjoni ta' saħħa mentali

Il-każ seħħ fis-17 ta’ Frar meta allegatament, l-anzjan ħa lill-mara d-dar tiegħu u allegatament qabdilha sidirha

Anzjan ta’ 68 sena tressaq il-Qorti akkużat li mmanipola u li attakka sesswalment mara li għandha ftit aktar minn 30 sena u li għandha kundizzjoni ta’ saħħa mentali.

Il-każ seħħ fis-17 ta’ Frar meta allegatament, l-anzjan ħa lill-mara d-dar tiegħu u allegatament attakkaha sesswalment wara li qabad ikellimha fuq l-eks sieħeb tagħha.

Il-Prosekuzzjoni qalet li f’ħin minnhom, l-akkużat qabad sider il-mara.

Jidher li l-Pulizija kienet infurmata mill-ħaddiema soċjali li marret titkellem magħha l-mara ftit wara li allegatament seħħ il-każ. Skont il-Prosekuzzjoni, il-mara kienet imwerwra.

L-akkużat, li daħal fl-awla b'diffikultà kbira, wieġeb mhux ħati tal-akkużi.

L-Avukat Yanika Bugeja talbet li l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni tinsisti li r-raġel għandu jinżamm arrestat kemm minħabba n-natura tal-akkuża u anke għax fadal min jixhed.

Fil-Qorti nstema’ kif l-allegata vittma, għandha problemi ta’ saħħa mentali u tista’ tkun immanipulata faċilment, saħqet il-Prosekuzzjoni.

Madanakollu Bugeja qalet li l-akkużat għandu l-kondotta nadifa u ma hemmx periklu li jaħrab anke għax ma tantx jista’ jimxi.

Il-Qorti ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat.

More in Politika