Pieni aktar ħorox għal dawk li jinqabdu jaħqru l-annimali

Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari waqt il-preżentazzjoni ta’ fondi lill-Għaqdiet mhux Governattivi li qed jgħinu fl-addozzjonijiet tal-annimali

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri ħabbar li daħħal abbozz fil-Parlament sabiex ikomplu jiħraxu l-multi fuq moħqrija tal-annimali.

Huwa qal dan waqt il-preżentazzjoni ta’ fondi lill-Għaqdiet mhux Governattivi li qed jgħinu fl-addozzjonijiet tal-annimali.

Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari fakkar li dan il-Gvern, daħħal numru ta’ liġijiet u inizjattivi li jħarsu l-annimali iżda saħaq li hemm bżonn li jkompli jiġi kkomunikat il-messaġġ li l-ebda moħqrija fuq l-annimali mhi se tiġi ttollerata.

L-NGOs li bbenefikaw mill-fondi jieħdu ħsieb li jiċċekjaw u jagħmlu l-verifiki tagħhom dwar l-ambjent li fih ikunu sejrin l-annimali li jiġu addottati mill-animal welfare sabiex jassiguraw li qegħdin jgħixu f’post fejn jixraqilhom u għalhekk huma mħarsa sew.

Fil-fatt l-Għaqdiet mhux Governattivi jibqgħu jsegwu l-annimali anke wara li jiġu addottati.

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li l-ammont totali li qiegħed jingħata għal dawk l-NGOs li għenu fl-addozzjonijiet tal-annimali minn Jannar sa Ottubru tal-2018 ilaħħaq l-€43,890.

L-Għaqdiet mhux Governattivi li qed jibbenefikaw minn dawn l-għotjiet huma Carers for Stray and Abandoned Felines, Island Sanctuary Association, National Cat Society, Association For Abandoned Animals, Noahs Ark Foundation, C.L.A.W.S. Stray Animals Support Group u Gozo SPCA.

Temm iħeġġeġ lill-Għaqdiet mhux Governattivi sabiex jimxu fuq il-pass ta’ dawn l-NGOs u jgħinu fil-proċess tal-addozzjoni tal-annimali.

More in Politika