Il-PM jgħid li mhux sorpriż bil-vot tal-MEPs dwar Malta

Ilbieraħ il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet Ċivili ivvota favur dwar abbozz ta’ reżoluzzjoni li fost oħrajn tikkritika l-Programm Malti taċ-Ċittadinanza b’Investiment

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li mhux sorpriż bil-vot li ttieħed ilbieraħ fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet Ċivili (LIBE) dwar abbozz ta’ reżoluzzjoni li fost oħrajn tikkritika l-Programm Malti taċ-Ċittadinanza b’Investiment, liema reżoluzzjoni se tkun qed titla’ quddiem il-plenarja lejn l-aħħar ta’ Marzu li ġej.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar dan il-vot waral l-inawgurazzjoni ta’ skola ġdida f’Marsaskala, il-Prim Ministru qal li meta wieħed iqis “il-ħsara li saret kontra Malta minn ċertu individwi minn Malta stess,” wieħed ma għandux ikun sorpriż b’dan il-vot.

Madanakollu, il-Prim Ministru insista li mhuwiex kuntent b’dan il-vot anke jekk qal li jekk wieħed iħares lejn id-diskors li kien qed isir kontra Malta fil-mozzjonijiet li saru qabel u d-diskors li hemm issa, jinnota li kien hemm bidla għall-aħjar.

Saħaq li l-Gvern mhux se jsabbat saqajh, se jieħu nota tal-kritika u se jibqa’ jipprova jikkonvinċu li partijiet minn dak li qed jingħad “huwa fattwalment żbaljat.”

F’din il-mozzjoni, il-LIBE qed iħeġġu lill-Gvern Malti biex:

  • Jippubblika r-rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant;
  • Biex jibda investigazzjoni dwar il-Panama Papers u r-rabta bejn il-kumpanija 17 Black u l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri;
  • Iwaqqaf minnufih l-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment u jordna investigazzjoni indipendenti dwarha;
  • Jippubblika l-kuntratt bejn il-Gvern u Henley & Partners;
  • Jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja mingħajr eċċezzjoni; u
  • Jitlob, mingħajr dewmien, inkjesta pubblika u indipendenti fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, b’mod partikolari fuq iċ-ċirkostanzi li waslu għal dan il-qtil, ir-reazzjoni tal-awtoritajiet għalih u l-miżuri implimentati biex qtil simili ma jerġax iseħħ.

Apparti minn hekk, l-istess kumitat juri t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-awtoritajiet Maltin qatt ma talbu lill-Pulizija Ġermaniża biex jingħataw aċċess għad-data mil-laptops u l-hard disks ta’ Caruana Galizia, wara li dawn ingħataw lill-awtoritajiet Ġermaniżi mill-familja tagħha.

Il-Kumitat tkellem ukoll dwar il-kwistjoni tal-Monument tal-Assedju l-Kbir u l-mafkar għal Daphne Caruana Galizia u insista li “huwa ta’ importanza kbira” li tinstab soluzzjoni, f’koperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.

More in Politika