Muscat igiddeb lill-Parlament Ingliż ... jgħid li ma ltaqax ma' Henley & Partners qabel sar PM

... imma l-PN jgħid li r-rapport tal-Parlament Ingliż juri li kien hemm ftehim qabel l-elezzjoni tal-2013 biex tinbiegħ iċ-ċittadinanza Maltija ...

Il-PM Joseph Muscat jirreaġixxi għar-rapport tal-Parlament Ingliż
Il-PM Joseph Muscat jirreaġixxi għar-rapport tal-Parlament Ingliż

Il-bejgħ tal-passaporti permezz tal-Individual Investors' Programme (IIP) reġa qiegħed fuq l-aġenda politika lokali hekk kif f'rapport tal-Parlament Ingliż hemm implikat li Muscat, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni, kellu laqgħat ma' Christian Kalin li jmexxi l-istess kumpanija li llum qed tbiegħ iċ-ċittadinanza Maltija, jiġifieri Henley & Partners.

Rapport dalgħodu fuq il-ġurnal The Times jgħid illi emails juru lil Kalin jitkellem ma' SCL, il-grupp li beda Cambridge Analytica u li spiċċa f'nofs kontroversja minħabba użu ta' dettalji personali minn Facebook għall-użu, fost oħrajn, tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump. F'dawn l-emails li l-ġurnal qed jgħid li ra, Kalin ifaħħar lil Muscat. Jgħid li għadu żgħir, huwa ambizzjuż u għandu għarfien tajjeb tal-investiment internazzjonali.  

Cambridge Analytica kienet akkużata li użat l-informazzjoni personali miġbura minn 50 miljun profil fuq Facebook biex tinfluwenza l-elezzjoni presidenzjali tal-Istati Uniti tal-2016. Mill-informazzjoni li ħarġet dak iż-żmien, Cambridge Analytiva kella f’idha data ta’ 6,000 Malti u Maltija fuq Facebook

Ir-rapport tal-Parlament Ingliż, ippublikat ilbieraħ, jgħid li Muscat iltaqa' ma' Kalin fl-2011. 

F'kummenti mal-ġurnalisti dalgħodu Muscat reġa ċaħad li hu bħala Mexxej Laburista u Kap tal-Oppożizzjoni qatt iltaqa' Henley & Partners. Hu qal li l-Gvern kien għadda s-sottomissjonijiet tiegħu lill-kumitat li kien qed jaħdem fuq dan ir-rapport iżda skontu "dan għażel li jinjora" l-istess sottomissjonijiet. 

Muscat temm jgħid li ma jistax jifhem fuq liema informazzjoni qagħad dan il-Kumitat qabel imbagħad temm jirrimarka li, "mhux ta b'xejn l-Ingilterra qiegħda fil-qagħda, li qegħda."

'L-ebda ċaħda ma tħassar dak li sab il-Parlament Ingliż' - PN

Intant il-Partit Nazzjonalista qal li r-rapport jikkonferma li l-bejgħ tal-passaporti kien ftehim ta' qabel l-elezzjoni tal-2013, meta kien elett mill-ġdid Gvern Laburista. 

"L-ebda ċaħda mill-Partit Laburista, minn Joseph Muscat jew mill-Gvern Laurista ma tista' tħassar dak li sab u ra l-provi dwaru l-Parlament Ingliż," sostna d-Deputat Karol Aquilina. 

Il-Partit Nazzjonalista mill-ġdid jisħaq li l-bejgħ taċ-ċittadinanza qiegħed ikollu konsegwenza negattivi fuq ir-reputazzjoni ta' pajjiżna Partit Nazzjonalista

"Il-Partit Nazzjonalista mill-ġdid jisħaq li l-bejgħ taċ-ċittadinanza qiegħed ikollu konsegwenzi negattivi fuq ir-reputazzjoni ta' pajjiżna u qed iwassal biex pajjiżna ma jibqax jiġi kkunsidrat bħala ġurisdizzjoni serja u ta' reputazzjoni għolja. Fost oħrajn il-bejgħ taċ-ċittadinanza poġġa lil pajjiżna f'riskji serji ta' nuqqas ta' sigurtà, ta' ħasil ta' flus, ta' korruzzjoni u ta' evażjoni tat-taxxa. Dan kollu jpoġġi f'riskju serji eluf ta' postijiet tax-xogħol fis-settur tas-servizzi finanzjarji u setturi oħra li jiddependi fuq ir-reputazzjoni ta' pajjiżna."

More in Politika