Il-PN jakkuża lill-Gvern li qed jirranġa t-toroq bl-għaġla u b'nuqqas ta' pjan

Il-PN fakkar fost l-oħrajn li x-xogħlijiet kellhom jinkludu wkoll it-tiġdid tas-servizzi infrastrutturali bħad-drenaġġ u l-ilma u t-tneħħija tal-cables tad-dawl

Il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Gvern Laburista li ma għandu l-ebda pjan għall-infrastruttura tat-toroq u dan minkejja li fi kliemu kien wiegħed li l-mitt miljun euro fis-sena f'xogħlijiet tat-toroq kienu se jinkludu it-tiġdid tas-servizzi infrastrutturali bħad-drenaġġ u l-ilma kif ukoll it-tneħħija tal-cables tad-dawl minn mal-faċċati tad-djar.

Skont il-Partit Nazzjonalista, minn dan kollu mhu qiegħed isir xejn.

“Minflok sar pjan fit-tul biex jara li pajjiżna jagħmel qabża 'l quddiem fil-kwalità f'dak li għandu x' jaqsam mal-bini tat-toroq, bl-għaġla u b'nuqqas ta' pjan serju, il-Gvern Laburista se jkun jonfoq miljuni ta' euro fis-sena f'kisi bit-tarmak minflok jibdel s-servizzi infrastrutturali li jinsabu fit-toroq ta' pajjiżna, u jibni kanali li jilqgħu dawn is-servizzi kif isir f'pajjiżi oħra,” saħaq il-kelliem tal-Oppożizzjoni Tony Bezzina.

Kien għalhekk li insista li appella biex il-flus jintefqu fejn hemm bżonn u jkun assigurat li:

  • Dawn x-xogħlijiet isiru bi pjan serju wara li jkunu saru l-istudji neċessarji;
  • Li jsir xogħol ta' kwalità u tal-ogħla livell biex dan x-xogħol jitgawda fit-tul;
  • Kull fejn ikunu se jsiru xogħlijiet ta' toroq, il-Gvern irid jagħmel l-almu tiegħu biex jiġu salvagwardjati u ndukrati s-siġar eżistenti u fejn hu possibbli jitħawlu siġar ġodda.

“Għalkemm jeżistu bosta soluzzjonijiet, l-Gvern Laburista qiegħed jirrisolvi ruħu biss għal soluzjonijiet faċli, li għalkemm fl-immedjat jistgħu jagħtu riżultat, fil-futur qarib se jerġgħu jfeġġu l-problemi,” ittemm tgħid l-istqarrija.

More in Politika