Il-Gvern jiċħad allegazzjonijiet ta' Kumitat tal-House of Commons

Dan il-kumitat allega rabta bejn Joseph Muscat, il-Partit Laburista u l-kumpanija li waqqfet lil Cambridge Analytica

Il-Gvern Maltia ċaħad allegazzjonijiet li saru mill-Kumitat dwar l-Oqsma Diġitali, Kulturali u Sport tal-House of Commons li allega li kien hemm rabta bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-kumpanija Strategic Communications Laboratories.

Din il-kumpanija hija sid tal-kumpanija Cambridge Analytica li s-sena li għaddiet kienet akkużata li użat l-informazzjoni personali miġbura minn 50 miljun profil fuq Facebook biex tinfluwenza l-elezzjoni presidenzjali tal-Istati Uniti tal-2016.

Mill-informazzjoni li ħarġet dak iż-żmien, Cambridge Analytiva kella f’idha data ta’ 6,000 Malti u Maltija fuq Facebook.

Madanakollu fi stqarrija, il-Gvern qal li jinsab iddiżappuntat li r-rapport straħ fuq dik li sejjaħ bħala informazzjoni kunfidenzjali li allegat li kien hemm rabta bejn il-Prim Ministru u l-kumpanija

Il-Gvern Malti qed jiċħad ukoll li kien hemm kuntatt bejn din il-kumpanija, il-Partit Laburista jew inkella ma’ Joseph Muscat meta dan kien għadu Kap tal-Oppożizzjoni.

Fl-istqarrija, il-Gvern wera d-diżżapunt tiegħu li l-Kumitat ibbażata l-argumenti tiegħu fuq sorsi, meta l-pożizzjoni tal-Gvern Malti kienet iddikjarat b’mod ċar f’rappreżentazzjonijiet li saru lill-Kumitat.

Il-Gvern kompla jisħaq li dan il-kumitat baqa’ ma ssostanzjax l-allegazzjonijiet b’evidenza.

L-istqarrija ttem tgħid li x-xogħol importanti li qed iwettaq dan il-kumitat issa ddgħajjef b’mod qawwi.

More in Politika