'Irridu nħarsu lura u naraw għalfejn qatt ma rbaħna l-elezzjoni tal-MEPs'

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista ma jgħidx jekk il-PN hux se jkun qed jitlef it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal li ma jistax jispekula dwar jekk il-partit hux se jkun qed jitlef it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew wara l-elezzjoni ta’ Mejju li ġej.

Mistoqsi mill-ġurnalisti, waqt konferenza dwar il-Kunsill Ġenerali li se jibda jitlaqqa’ minn għada, Puli qal li jista’ jieħu biss indikazzjoni tas-sitwazzjoni preżenti minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika iżda insista li ma jafx x’se jkun ir-riżultat tal-elezzjoni.

Madanakollu huwa rrefera għall-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew u qal li l-Partit Nazzjonalista tella’ t-tielet siġġu bi żbrixx.

“Hemm bżonn nagħmlu pass lura u naraw għalfejn il-partit li kkampanja għal sħubija fl-UE qatt ma rebaħ elezzjoni tal-MEPs,” kompla Puli waqt li kompla jgħid li jekk wieħed iħares aktar lura jista’ jkollu indikazzjoni dwar x’qiegħed jaffettwa r-riżultati elettorali tiegħu.

Intant, dwar il-Kunsill Ġenerali bit-tema ‘Flimkien għal Pajjiżna,’ Puli qal li l-PN se jkun qed jiddiskuti l-ħidma li se twassal lill-partit għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali tal-25 ta' Mejju li ġej.

Insista li din kienet l-ewwel sena sħiħa tat-tmexxija l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista, u li fi kliemu kienet waħda ta' tisħiħ fl-organizzazzjoni, fil-finanzi tal-partit u fl-inizjattivi Parlamentari.

Fost oħrajn irrimarka li l-Partit żied 1,700 tesserat ġdid u li skontu dan ifisser l-ogħla ammont ta’ tesserati fi 13-il sena u fakkar fil-programm ta’ taħriġ għaż-żgħażagħ ‘Future Leaders’ u t-twaqqif tal-fergħa l-ġdida għaż-żgħażagħ ‘Team Start PN’.

More in Politika