L-AD tinsisti li hi kontra l-abort wara li kandidata ssejjaħ għal dibattitu rispettuż

Il-kandidata tal-AD għall-Parlament Ewropew saħqet li mhux aċċettabbli li d-dibattitu dwar l-abort jibqa' tabù; Arnold Cassola jitlob assigurazzjoni li l-AD tibqa' kontra l-introduzzjoni tal-abort

L-Alternattiva Demokratika saħqet li l-pożizzjoni tagħha fuq l-abort għadha l-istess, jiġifieri kontra, anke jekk qablet mal-kandidata għall-Parlament Ewropew Mina Tolu li sejħet għal dibattitu rispettuż fuq l-abort.

Ilbieraħ, il-kandidata tal-Alternattiva Demokratika ppubblikat filmat live fuq Facebook u li fih saħqet li f’Malta ħafna politiċi, kandidati u l-partiti għadhom jibżgħu jsemmu l-abort, b’mod partikolari fi żmien elezzjoni.

“Dan għalija huwa frustranti u mhux aċċettabbli,” saħqet Tolu.

Kien hawn li appellat biex jiefqu kummenti ta’ theddid u ta’ mibegħda fuq il-midja soċjali meta wieħed jitkellem fuq l-abort u sejħet għal dibattitu rispettuż.

“Daqshekk tabù, daqshekk stigma…ejjew nippruvaw noħolqu spazju ta’ dibattitu fuq l-abort,” saħqet Tolu. “Wasal iż-żmien li nieqfu nagħlqu ħalq ħaddieħor," kompliet tinsisti, anke jekk fl-ebda ħin ma qalet li hi favur l-abort.

 

Cassola jitlob assigurazzjoni mill-AD li għadha kontra l-abort

Intant, l-eks Chairperson u l-kandidat Arnold Cassola minnufih bagħat ittra lis-Segretarju Ġenerali tal-partit jisħaq li għandha tinħareġ stqarrija biex l-AD tiddisosċja ruħha minn dawn il-kummenti.

Huwa saħaq li filwaqt li jifhem il-punt ta' Tolu u ma jaqbilx ma' kummenti ta' theddid u mibegħda kontra min hu favur l-abort, insista li l-filmat qed "joħloq konfużjoni u ambigwità fost l-elettorat Malti."

Fl-ittra, Cassola insista li kien ingħata assigurazzjoni li l-AD hija kontra l-abort meta aċċetta li jikkontesta l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

L-AD tgħid li hi kontra l-abort iżda taqbel mal-kummenti ta' Tolu

Min-naħa tagħha, l-Alternattiva Demokratika ppubblikat l-istqarrija u filwaqt li qalet li hi tibqa’ kontra l-abort, saħqet li hi temmen li hemm bżonn ta’ dibattitu rispettuż li jixraq f’soċjetà demokratika bħal ma tenniet Mina Tolu fil-kummenti tagħha. 

Mina Tolu għaddiet dawn il-kummenti wara li fl-aħħar jiem, NGO fir-Renju Unit, Abortion Support Network, ħabbret li se testenti s-servizzi tagħha għal Malta u Ġibilita.

Din l-NGO toffri informazzjoni kunfidenzjali, lil dawk in-nisa li jkunu jixtiequ jagħmlu abort, u tipprovdilhom kull għajnuna, anke finanzjarja, biex iwettqu abort bl-inqas spejjeż u skariġġ possibbli.

F’Marzu tas-sena li għaddiet, il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa kienet ippreżentat Position Paper li fiha pproponiet li f’ċertu każi, l-abort ikun dikriminalizzat u allura ma jibqax punibbli bil-priġunerija, anke għal dawk in-nisa li jagħmlu abort barra mill-pajjiż

Il-Fondazzjoni kienet appellat biex l-abort ikun aċċessibbli u jsir b'mod sigur f'ċerti każi fosthom, stupru, inċest, biex tkun salvata l-ħajja tal-mara, problemi serji fil-fetu, u anke meta hemm riskju ta' mard mentali u fiżiku għall-omm.

More in Politika