DBRS jikkonfermaw il-grad ta' Malta fil-livell ta' A High

L-analisti, ibassru wkoll li l-pajjiż mistenni jibqa’ jkollu surplus ta’ madwar 1% sal-2021

L-aġenzija internazzjonali tal-kreditu DBRS, ikkonfermat ir-rating ‘A High’ għal Malta u dan wara li fl-aħħar ġimgħat l-aġenziji Moody’s u Fitch ukoll ikkonfermaw il-qagħda finanzjarja tajba tal-pajjiż.

Fir-rapport tagħha, id-DBRS innutat li l-andament ekonomiku tal-pajjiż baqa’ b’saħħtu, bit-tkabbir tal-prodott domestiku gross ikun dak ta’ 7.5%.

Iżda tkompli tgħid ukoll li dan it-tkabbir, b’mod partikolari meta wieħed iqabblu ma’ dak ta’ pajjiżi oħra Ewropej, mistenni jibqa’ wieħed għoli, anke jekk ir-ritmu ekonomiku mistenni jnaqqas xi ftit.

Spjegat kif din il-klassifikazzjoni ta’ Malta ġejja partikolarment mid-dipendenza baxxa tagħha fuq il-finanzjament estern, il-livell dejjem jonqos tad-dejn pubbliku u anke l-qagħda finanzjarja tal-familji.

Dwar is-suq tax-xogħol, id-DBRS tinnota l-qgħad baxx u anke kif il-ħaddiema barranin qegħdin jikkontribwixxu għall-ekonomija u għall-kompettività billi qed iżommu l-pressjoni fuq il-pagi.

L-analisti, ibassru wkoll li l-pajjiż mistenni jibqa’ jkollu surplus ta’ madwar 1% sal-2021. Dan il-bilanċ fil-finanzi tal-Gvern flimkien mat-tkabbir ekonomiku jkomplu jbaxxu r-rata tad-dejn paragun mal-prodott domestiku gross.

Ikomplu jgħidu li dan ir-rating mhux probabbli li jkompli jikber jekk ma jonqos aktar id-dejn tal-Gvern u li l-qagħda finanzjarja tal-Gvern marret tajjeb anke minħanbba l-programm taċ-ċittadinanza b’investiment.

Dwar l-Air Malta u l-istrutturar tagħha, l-analisti jisħqu li kompetizzjoni fis-settur tal-avvjazzjoni tista’ toħloq sfidi ġodda lil-linja nazzjonali tal-arju.

L-Aġenzija waslet għall-evalwazzjoni mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Fond Monetarju Internazzjonali.

More in Politika