Intervista | ‘Il-mexxej il-ġdid għandu jintgħażel għax denju u kapaċi u mhux għax mara’

Bormliża, għalliema u s-Sindku Laburista ta’ Bormla. L-ILLUM tiltaqa' ma' Alison Zerafa

Mal-ILLUM Zerafa tibda billi rrimarkat kif, “tispiċċa f’ċertu pożizzjonijiet mingħajr qatt tkun ħsibt fihom. Il-politika minn dejjem kienet togħġobni. Fil-bidu sħabi kien jgħiduli, ‘u jien x’jimpurtani mill-politika!’ Jien kont naħseb bil-kontra, il-politika hi l-ħajja ta’ kuljum.”

Hi tkompli billi tispjega dwar l-ewwel passi tagħha fid-dinja tal-politika. “Kollox beda minn meta kelli 15-il sena, kont ngħin fil-komunità bħala voluntiera f’Dar it-Tama, għaqda li kien imexxi Patri Mark Montebello.”

“F’din id-dar hi flimkien ma’ voluntiera oħra kienu jmorru wara l-ħin tal-iskola jagħtu daqqa’ t’id lit-tfal anqas ixxurtjati fix-xogħol tal-iskola,” spjegat Zerafa.

Skont Zerafa, “dan kien żmien strumentali għalija biex nibni kuntatt tajjeb ma’ diversi għaqdiet lokali fosthom dawk politiċi.”

“Xi ftit żmien wara kont ġejt avviċinata mill-Brigata Laburista. Kienu talbuni ngħinhom fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti mmirati għat-tfal. Mill-Brigata mbagħad ħajruni sabiex nagħmel parti mill-Kumitat Lokali Laburista,” spjegat Zerafa. 

“Hawnhekk iltqajt ma’ ħafna nies ta’ esperjenza li għallmuni u għenuni ħafna nagħmel l-ewwel passi tiegħi fil-politika. Wara din l-esperjenza qasira kont dħalt fl-Eżekuttiv tal-Forum Żgħażagħ Laburisti. Hemmhekk bdejt niltaqa’ u noħloq kuntatt mal-politiċi li direttament imexxu l-pajjiż,” saħqet Zerafa.

Mal-ILLUM hi tistqarr li kienet damet taħsibha sabiex tikkontesta l-elezzjoni għall-Kunsilli Lokali, “kienu ilhom jgħiduli però, jien ma ridtx noħroġ għall-Kunsilli.” Staqsejtha għaliex. Hi tisħaq li, “ma kontx narahom adattati għalija, dak iż-żmien kont narahom limitati.”

Minkejja r-riservi tagħha, Zerafa xorta waħda tefgħet l-applikazzjoni tagħha għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u sussegwentement ġiet eletta.

‘Ħafna kienu jaħsbu li l-Kunsill qiegħed hemm għal bozza jew bankina’

Zerafa ddikjarat magħna li hi kienet tal-opinjoni li l-Kunsilli Lokali huma ‘limitati’. Iżda llum, wara kważi deċenju taħdem fl-operat tal-Kunsill, x’inhi l-opinjoni tagħha? Inbidlet?

“Nista' nitkellem issa wara żmien twil fil-Kunsill. Qabel ħafna kienu tal-opinjoni li l-Kunsilli qegħdin hemm, għal bankina, għal bozza, jew għal xi ilment. Imma fil-verità r-residenti llum jiġu hawn jipproponu proġetti. U aħna ovvjament nieħdu gost b’dawn l-affarijiet,” spjegat is-Sindku.

Zerafa semmiet proġett partikolari li kien propost propju mir-residenti. “F’din il-lokalità hawn popolazzjoni anzjana u ovvjament hawn ħafna tlajja’ u turġien. Ir-residenti li joqogħdu fil-konfini, kienu jsibuha diffiċli jinżlu għaċ-ċentru, propju ż-żona li hawn il-konċentrazzjoni tas-servizzi bażiċi bħaċ-ċentru tas-saħħa.”

“Dak iż-żmien kienu jgħidulna li jmissu jkun hemm trasport, aħna konna ressaqna proġett fejn ipproponejna li nixtru vetturi li jaħdmu bl-elettriku u bdejna noffru dan is-servizz tliet darbiet fil-ġimgħa. Issa fil-futur qarib sew nibdew noffru dan is-servizz b’xejn kuljum.”

‘Kien hawn kambjament fil-mentalità tan-nies dwar Bormla’

Ovvjament kull lokalità għadha l-isfidi tagħha, però f’Bormla liem hi l-akbar uġigħ ta’ ras għas-Sindku? Zerafa tgħid li, “żgur mhux forsi, li ż-żamma tal-indafa hi l-akbar sfida li għandna hawnhekk. Naħseb li l-Maltin imfissdin wisq fejn tidħol l-indafa. Joħorġu l-borża meta jridu u xħin iridu u jekk ma tmissilhomx il-but ma jkunx hemm dixxiplina,” sostniet Zerafa.

Minkejja dan hi tistqarr li, “l-affarijiet mixjin ’il quddiem speċjalment minn meta Malta kollha addottat l-istess skema tal-ġbir tal-iskart.”

Staqsejna lil Zerafa wkoll fuq il-mentalità ta’ bosta li jaraw il-lokalità ta’ Bormla u l-madwar f’dawl negattiv. Bħala Sindku kif tirrispondi għal din l-istigma?  Ġieli affettwatha fil-ħajja personali tagħha?

“Lili qatt ma affettwatni, dejjem emmint fija nnifsi, dejjem emmint li Bormla għandha l-potenzjal u qatt ma ddejjaqt ngħid li jien minn Bormla.” Żiedet tgħid li, “din il-perċezzjoni hi mkabbra wisq. Ma nistax ma nkunx realistika. Iva, għandna problemi soċjali hawnhekk. Ovvjament għandna l-akkomodazzjoni soċjali u fih hemm numru ta’ nies bi problemi soċjali. Minkejja kollox, dawn huma wkoll Bormliżi u rridu nitgħallmu naċċettawhom fis-soċjetà tagħna, kif konvint li kulħadd aċċettat,” saħqet Zerafa.

Apparti minn dan, hi tal-opinjoni li “fis-snin li għaddew kien hawn kambjament fil-mentalità tan-nies. “Jekk ftit tas-snin ilu, kellna ħafna proprjetà battala f’Bormla, illum il-ġurnata qed jiġu u jinxtraw minn barranin. Għandna numru sostanzjali ta’ barranin f’Bormla, il-valur ogħla ħafna u jekk qabel kien jiġi joqgħod hawn xi ħadd li ma jiflaħx jixtri dar, illum trid tlesti butek biex tixtri dar f’din il-lokalità,” sostniet Zerafa.

U l-barranin li qegħdin jiġu joqogħdu Bormla kif qegħdin jaffetwaw il-komunità? Zerafa tgħid li fost, “il-barranin li qegħdin jirrilokaw hawnhekk dejjem qed tiżdied ix-xewqa li jżidu l-involviment tagħhom fil-komunità, mhumiex kuntenti li jgħidu ‘bonġu u saħħa’ biss.”

‘Ma taqbilx mal-kwotas u li l-Kunsilli ġew politiċizzati'

Fil-passat il-Prim Ministru Joseph Muscat kemm-il darba esprima li jixtieq jindirizza n-nuqqas ta’ kandidati nisa li jiġu eletti fil-Parlament billi jiġu implimentati kwotas fuq il-membri parlamentari li bilfors iridu jkunu nisa. Zerafa x’taħseb fuq din? Taqbel jew ma taqbilx?

Mal-ILLUM hi tiddikjara: “jiena qatt m’emmint fil-kwotas. In-nies jafu jagħżlu x’inhu tajjeb u x’inhu anqas tajjeb. Jekk hemm mara kapaċi jafu jivvutawlha u l-istess jekk hemm raġel. Meta kont ħierġa għall-Kunsill Lokali kont sibt appoġġ minn ħafna residenti anzi ħafna kienu jarawha ħaġa pożittiva, qatt ma ħassejtni żvantaġġata,” saħqet Zerafa.

Hi tkompli tgħid li, “hawnhekk f’dan il-Kunsill qegħdin sebgħa b’kollox. Mis-sitt kunsilliera għall-Partit Laburista, tlieta huma nisa u tlieta huma rġiel, jiġifieri hawnhekk hawn bilanċ tajjeb.”

Dlonk staqsejtha jekk tixtieqx li tara mara fit-tmun tal-Partit Laburista wara li fiż-żmien li ġej mistenni jwarrab il-mexxej tal-Partit Laburista. Hi tgħid li, “nieħu gost, meta nara kwalunkwe mara tieħu sehem fil-politika u tieħu sehem attiv. Nemmen li min għandu jkun f’dak l-irwol għandu jkun persuna denja, kapaċi u bl-esperjenza meħtieġa li tirrappreżenta lill-pajjiż, mhux għax mara.”

Staqsejtha wkoll, jekk taħsibx li l-Kunsilli Lokali kellhomx ikunu ħielsa mill-Partiti Politiċi mill-bidu tagħhom.

Zerafa tirrispondi, “Naħseb dak iż-żmien kellu raġun Alfred Sant (kien hu li ppropona din il-miżura), imma kif ġraw l-affarijiet naħseb li kien pass tajjeb ukoll. Fil-verità, “f’dan il-kunsill ġaladarba eletti, kulħadd jinsa t-twemmin politiku u onorata ngħid li naħdmu f’armonija u ħbiberija.

F’dawn l-aħħar ħames snin kważi dejjem qbilna fuq kollox. Diskussjoni tieħu forom differenti però qatt, ma ħadet kulur. Sal-elezzjoni l-partit wara kunsill wieħed Bormliż.”

Għaliex għandhom jivvutaw fl-elezzjonijiet li ġejjin?

Hekk kif ġejna fit-tmiem tal-intervista, staqsejna lil Zerafa għaliex għandhom in-nies joħorġu jivvutaw f’din l-elezzjoni li tinsab fil-viċin hi qalet li, “għandhom jivvutaw għaliex il-Kunsilli Lokali qegħdin hemm bħala l-ewwel għajnuna u l-ewwel leħen għalihom. Jekk ma joħorġux se jkun propju ħaddieħor li qiegħed jagħżel għalihom, temmet tgħid is-Sindku Bormliża.”

More in Politika