Il-PL jakkuża lill-MEPs Nazzjonalisti li gidbu biex attakkaw lil Malta

Owen Bonnici u Cyrus Engerer akkużaw lill-Ewroparlamentari Nazzjonalisti li għamlu ġimgħa jaħdmu kontra Malta

Waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, il-Ministru Owen Bonnici u l-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Cyrus Engerer, akkużaw lill-Ewroparlamentari Nazzjonalisti li għamlu ġimgħa jaħdmu kontra Malta biex iġibu l-politika partiġjana qabel il-pajjiż.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Bonnici, li din il-ġimgħa kien Brussell iwieġeb mistoqsijiet ta’ diversi Ewroparlamentari, saħaq li l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti għadhom ma rrealizzawx kif fi kliemnu, il-kampanji tagħhom huma maqtugħa għal kollox minn dak li qed iħoss il-poplu.

“Kull istituzzjoni li għandna f’pajjiżna hi fdata iktar minnhom,” qal il-Ministru Owen Bonnici.

Fost oħrajn, il-kelliema akkużaw lil David Casa li attakka l-Qrati quddiem kumitat tal-Parlament Ewropew dwar it-taxxa, lil Roberta Metsola li ftaħret li kienet parti minn rapport kontra Malta u lil Francis Zammit Dimech li skont il-kelliema kompla jattakka l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment li minnu qed igawdu l-Maltin u l-Għawdxin. 

Bonnici fakkar li Casa qal li ma jeżistux investigazzjonijiet serji u dan meta hemm investigazzjoni li għaddejin u oħrajn li ngħalqu u li lilu u lil Simon Busuttil ma tawhx raġun. 

“Iġifieri mhux biss jattakkaw l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna barra minn xtutna, iżda jigdbu biex jagħmlu dan,” qal il-Ministru Bonnici. 

Min-naħa tiegħu, Cyrus Engerer sfida lill-kandidati ġodda tal-Partit Nazzjonalista bexi jgħidu jekk jaqblux ma’ dan l-aġir. Qal li skiet tagħhom hu sinjal ta’ approvazzjoni u li se jagħmlu l-istess jekk ikunu eletti.

'Ħadd mill-MEPs ma emmen lil Owen Bonnici' - PN

Intant, b'reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-PL, l-Ewroparlamentari David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech saħqu li ħadd mill-Membri tal-Parlament Ewropew preżenti għal-laqgħa ta' nhar it-Tnejn li għadda ma emmen dak li qal il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici.

"Minflok m'ammetta li fl-ogħla karigi tal-Gvern hemm problema ta' korruzzjoni u ħasil tal-flus, pprova jagħti l-impressjoni li ma teżisti l-ebda problema," saħqu l-MEPs

Huma qalu li l-MEPs mill-gruppi politiċi kollha m'għandhomx bżonn lilhom biex ikunu jafu li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia nqatlet, il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri nqabdu b'kumpaniji  fil-Panama, li s-sid tal-kumpanija sigrieta 17 Black huwa Kap Eżekuttiv ta' kumpanija li hija parti mill-konsorzju li ntgħażel biex jibni u jħaddem u l-power station il-ġdida f'Delimara, li l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza qed tqajjem dubji u li r-rapport tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja ma ġiex ippubblikat b'mod sħiħ.

"Dawn huma fatti li jafhom kulħadd u li ma jista' jmerihom ħadd, u għalhekk ħadd m'emmen lil Owen Bonnici," saħqu l-MEPs. "Filwaqt li Owen Bonnici qiegħed fuq in-naħa tal-kliem, aħna nagħżlu li nkunu fuq in-naħa tal-fatti."

More in Politika