Estiż is-servizz ta’ trasport on demand tal-Kunsill Lokali f'Bormla

Dan is-servizz beda jiġi offrut f’Novembru tal-2017 għall-anzjani u persuni vulnerabbli f’Bormla

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis, flimkien mas-Sindku ta’ Bormla Alison Zerafa Civelli, nedew l-estensjoni tas-servizz ta’ trasport on demand li l-kunsill lokali joffri għall-anzjani u persuni vulnerabbli f’Bormla.

Dan is-servizz li beda jiġi offrut f’Novembru tal-2017 bħala proġett pilota kien qiegħed jitħaddem tliet darbiet fil-ġimgħa. Issa se jkun qiegħed jiġi offrut mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-07:45am u s-1:00pm.

Il-Ministru Borg kellu kliem ta’ tifħir għal dan il-kunsill lokali li kien ħa l-inizjattiva b’din il-proposta bħala parti mill-kompetizzjoni li ttella’ kull sena Transport Malta waqt il-Ġimgħa Ewropea għall-Mobilità. Huwa spjega kif il-Kunsill ta’ Bormla kien fost ir-rebbieħa fis-sena tiegħu, u ngħata €60,000 mingħand l-Awtorità, biex imbagħad żied magħhom €12,000 mill-fondi tiegħu u bihom xtara żewġ vannijiet elettriċi biex joffru dan is-servizz.

Huwa ddeskriva din l-inizjattiva bħala suċċess, hekk kif fl-2018 saru madwar 2,800 vjaġġ, bid-domanda tiżdied l-aktar fl-aħħar tliet xhur tas-sena b’400 persuna jitolbu dan is-servizz.

Il-Ministru Borg tkellem dwar l-importanza ta’ inizjattivi bħal dawn, li jkomplu jintroduċu kunċetti ta’ trasport kollettiv sostenibbli u fl-istess waqt inaqqsu ċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi li jniġġsu mill-qalba tal-irħula u l-ibliet, hekk kif dawk li qabel kienu jiddependu fuq xi qraba biex iwassluhom għall-qadi, issa għandhom għażliet oħrajn.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis feraħ lill-Kunsill Lokali ta’ Bormla talli qiegħed joffri dan is-servizz. Parnis qal li dan ikompli juri li l-Kunsilli Lokali llum il-ġurnata qegħdin joffru dejjem aktar servizzi liċ-ċittadini tagħhom u dan jawgura tajjeb għaliex ifisser li dawn qegħdin jifhmu r-rwol tagħhom bħala dik l-awtorità li hija l-eqreb lejn iċ-ċittadin. 

Is-Sindku tal-lokalità Alison Zerafa Civelli qalet li dan is-servizz issa qabad sew u għaldaqstant il-Kunsill Lokali ħaseb biex wara sena ta’ prova jestendi dan is-servizz mingħajr ħlas. “L-idea u l-proposta nibtet mir-residenti stess, li ta’ sikwiet kienu jilmentaw dwar id-diffikultajiet tat-topografija ta’ din il-belt antika minħabba l-età tagħhom. 

More in Politika