Il-PN u l-PL isellmu l-memorja tal-eks Deputat Nazzjonalista Lino Gauci Borda

Gauci Borda mhux biss għamel snin twal fil-Parlament, iżda serva wkoll lill-komunità bħala tabib

Lino Gauci Borda
Lino Gauci Borda

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista ddeskriva lil Lino Gauci Borda bħala, "politiku tan-nies, li ta kontribut siewi lejn il-politika f'Malta matul żminijiet diffiċli."

Il-mewt tat-tabib Lino Gauci Borda tħabbret dalgħodu, fl-età ta' 82 sena.

Gauci Borda kien Membru Parlamentari bejn l-1976 u l-1994, ħadem fil-Kumitat Sezzjonali tal-PN f'Santa Venera u serva wkoll bħala rappreżentant reġjonali fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Parlamentari tal-Commonwealth. Kellu wkoll għal qalbu l-Old Motors Club Malta fejn kien jokkupa l-kariga ta' President għal 16-il sena u wara sar President Onorarju ta' dan il-klabb.

Huwa twieled f'Tas-Sliema u għex parti kbira minn ħajtu fi Fleur-de-Lys, lokalità li dwarha kiteb il-ktieb Tentuf mill-Memorji, li fih ġabar 75 sena ta' storja.

Gauci Borda mhux biss għamel snin twal fil-Parlament, iżda serva wkoll lill-komunità bħala tabib.

"Il-PN jwassal il-kondoljanzi lil familja u l-qraba ta' Lino Gauci Borda," qalet l-istqarrija.

Intant fi stqarrija separata il-Partit Laburista sellem il-memorja ta’ Lino Gauci Borda, eks deputat tal-Parlament li serva lill-pajjiż f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Lino Gauci Borda kien miżżewweġ lil Louise Ann Gauci Borda u kellhom tifla.

More in Politika