'Żewġ inkjesti ma sabux għalfejn għandhom jittieħdu passi ulterjuri fuq Mizzi u Schembri'

Il-Ministru Owen Bonnici jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Ewroparlamentari u jiddefendi s-sistema ġudizzjarja f'Malta

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici wieġeb għall-mistoqsijiet u xi kultant għall-kritika ta’ Ewroparlentari waqt il-kumitat kontra l-kriminalità finanzjarja, magħruf bħala Tax3, u insista li l-Gvern Malti huwa kommess li jkompli l-proċess ta’ riforma li beda u lest iżomm djalogu miftuħ mal-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet oħra.

Fost l-aktar li semmgħu leħinhom kien hemm l-Ewroparlamentari Ana Gomes, li ġiet Malta diversi drabi biex tinvestiga s-saltna tad-dritt u l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-konfront tal-Gvern.

Gomes staqsiet lil Bonnici x’se jsir mill-Ministru Konrad Mizzi u miċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri, li sejħitilhom “korrotti,” bil-Ministru Bonnici dlonk iwieġeb li żewġ inkjesti kkonkludew li ma kienx għalfejn jittieħdu passi ulterjuri kontrihom.

Il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri kienu wkoll fiċ-ċentru tal-mistoqsijiet tal-Ewroparlamentari Sven Giegold, li ma’ Gomes żar Malta diversi drabi.

Huwa staqsa kif dawn baqgħu ma rreżenjawx, b’mod partikolari wara li sar magħruf li l-kumpaniji fil-Panama kellhom jirċievu pagamenti mill-kumpanija 17 Black, li s-sid tagħha huwa Yorgen Fenech, Direttur ta’ ElectroGas.

“Dwar il-kwistjoni ta’ 17 Black għaddej proċess iżda jien ma naf xejn aktar minn dak li diġà kulħadd jaf. Imbilli jien il-Ministru għall-Ġustizzja ma jfissirx li nkun naf id-dettalji ta’ kull investigazzjoni. Dak ikun perikoluż,” wieġbu Bonnici.

      Aqra wkoll: MEPs jħeġġu lill-Gvern biex jippubblika r-rapport sħiħ dwar Egrant

Fost oħrajn, MEPs oħra fakkru lill-Ministru Bonnici li Daphne Caruana Galizia kienet inqatlet ftit xhur wara li semmiet il-kumpanija 17 Black. Il-Ministru insista li l-Gvern Malti jinsab kommess li jsib min kien il-moħħ wara dan il-qtil.

Fid-diskors tiegħu tal-bidu, il-Ministru Bonnici fakkar li €12.5 miljun kienu rikoverati mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni wara investigazzjonijiet fuq dawk magħrufa bħala Swiss Leaks u €5 miljun oħra mill-investigazzjoni tal-istess Dipartiment dwar il-Panama Papers u dan apparti €4 miljun oħra f’penali.

Bonnici kien mistoqsi wkoll dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, li skont Gomes, kienu kritiċi ħafna fil-konfront ta’ Malta. Il-Ministru wieġeb li dan ir-rapport jitkellem dwar sistema li l-Gvern Laburista wiret mill-amministrazzjonijiet preċedenti.

“Aħna mhux kontra r-riforma,” kompla l-Ministru. “Il-Kummissjoni Venezja mkien ma qalet li Malta tbati minn falliment persistenti fis-sistema legali tagħha, iżda l-aġenda riformista tagħna hija kommessa li taċċetta l-bidla.”

Mistoqsi minn diversi MEPs dwar l-iskema taċ-ċittadinanza, il-Ministru wieġeb li anke hawn il-Gvern qed ikun trasparenti għax fi kliemu Malta hija fost il-ftit pajjiżi li jippubblikaw l-isem ta’ min ikun kiseb iċ-ċittadinanza.

'Konfoffa kriminali biex tagħmel qligħ mill-privatizzazzjoni tas-settur tal-enerġija'

Preżenti wkoll għal din is-seduta kien hemm iben Daphne, Matthew Caruana Galizia li saħaq li f’Malta teżisti “konfoffa kriminali” li twaqqfet biex tagħmel il-qligħ mill-privatizzazzjoni tas-settur tal-enerġija waqt li semma b’isimhom lil Karl Cini u lil Brian Tonna ta’ Nexia BT, lil Konrad Mizzi, lil Keith Schembri u lill-Prim Ministru. 

Huwa qal lil dan il-Kumitat li ommu nqatlet waqt li kienet qed tinvestiga lil dawn il-persuni, u oħrajn, inkluż lil Yorgen Fenech.

Kien hawn li fakkar lill-Ewroparlamentari li l-kumitat li għażel lil min kellu jibni l-powerstation kien immexxi minn ħadd ħlief Brian Tonna, li huwa l-accountant personali ta’ Keith Schembri.

Qal li hu tkellem ma’ servizzi ta’ intelliġenza internazzjonali u li fi kliemu ddeskrivew l-ftehim mal-ElectroGas bħala “kompletament korrott.”

Kompla jispjega kif il-kumpanija mill-Ażerbajġan Socar kienet qed iddaħħal il-miljuni mill-ftehim mal-Electrogas u dan għax qed isservi biss bħala pont bejn l-Electrogas u l-kumpanija Shell għax-xiri tal-gass LNG.

Skont Caruana Galizia, sa ftit qabel mietet, huwa kien qed jaħdem ma’ ommu fuq informazzjoni li għaddiet għandhom mill-ElectroGas permezz ta’ whistleblower.

'Bejn Marzu u Ġunju 2018 il-Pulizija kienu jafu b'Yorgen Fenech'

Tul is-seduta, tkellem ukoll il-ġurnalist ta’ Reuters Stephen Grey li kien reponsabbli mir-rapport li żvela li s-sid ta’ 17 Black huwa Yorgen Fenech.

Grey saħaq li l-informazzjoni dwar Fenech kienet mgħoddija lill-Pulizija Maltija bejn Marzu u Ġunju tas-sena li għaddiet.

Filwaqt li insista li Daphne Caruana Galizia għamlet xi żbalji, anke minħabba s-sentimenti tagħha lejn il-Partit Laburista, Grey qal li jħoss li f’Malta jeżisti sens ta’ impunità.

Tul id-diskors tiegħu huwa tkellem dwar dak li sejjaħ bħala n-nuqqas ta’ kontroll finanzjarju mill-istituzzjonijiet Maltin u li kliemu dan ippermetta li l-Bank Pilatus, b’rabtiet mal-Gvern tal-Ażerbajġan, jitħalla jopera f’Malta.

“Iċ-ċermen tal-bank, Ali Sadr Hasheminejad, qal lill-awtoritajiet Maltin li hu kien minn Saint Kitts iżda kieku saret tfittxija propja kienu jindunaw li dan fil-fatt kien Iranjan. Il-Prim Ministru eventwalment mar it-tieġ tiegħu,” saħaq Grey.

Temm juri wkoll it-tħassib tiegħu għall-fatt li Malta qed tattira wkoll kapital minn setturi li dwarhom ftit li xejn għad hemm regolarizzazzjoni, fosthom mis-settur tal-cryptocurrencies. 

More in Politika