Tgħid li l-politika tal-Gvern Malti tinkoraġġixxi l-kriminalità u l-frodi

MEPs iħeġġu lill-Gvern biex iwaqqaf minnufih l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, jippubblika r-rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant u jordna inkjesta indipendenti dwar il-qtil ta' Daphne

L-Ewroparlamentari Sophia in 't Veld, qalet li l-politika tal-Gvern Malti qed tinkoraġġixxi l-kriminalità u l-frodi, waqt li ssuġġeriet li l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia jista' jkun marbut mal-allegazzjonijiet tal-korruzzjoni.

Hja qalet dan hekk kif illejla l-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) ħeġġeġ lill-Gvern Malti biex jippubblika r-rapport sħiħ dwar l-inkjesta Egrant u biex iwaqqaf l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti u dan waqt diskussjoni fuq il-mozzjoni li resqu quddiem il-Parlament Ewropew

L-Ewroparlamentari minn dan il-Kumitat kienu qed jimmoniterjaw is-saltna tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’Malta u fl-Islovakkja.

Waqt din id-diskussjoni, Sophia in 't Veld ħeġġet lill-Gvern biex irażżan il-kliem ta' mibgħeda kontra Daphne Caruana Galizia u l-familja tagħha u biex iwaqqa' l-libelli kollha li kien fetaħ kontra l-ġurnalista. "Il-familja sofriet biżżejjed," saħqet l-Ewroparlamentari.

L-MEP appellat lill-Gvern biex jinvestiga x-xniegħat kollha dwar il-qtil ta' Caruana Galizia għax fi kliemha: "minkejja li hemm għadd ta' awtoritajiet, dawn ma jidher li qed jinvestigaw xejn."

Ħeġġet ukoll lill-Gvern biex "iħaffef il-pass" u jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, liema esperti kienu qalu li l-Prim Ministru Malti għandu wisq poteri u li f'Malta ma hawnx biżżejjed sistema ta' bilanċi u kontrolli.

Il-Gvern Malti kien qal li jaqbel ma' ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja u lest jimplimentahom.

Sophia in 't Veld appellat ukoll lill-Gvern Malti biex iwaqqaf minnufih l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza,

F’din il-mozzjoni, il-LIBE qed iħeġġu lill-Gvern Malti biex:

  • Jippubblika r-rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant;
  • Biex jibda investigazzjoni dwar il-Panama Papers u r-rabta bejn il-kumpanija 17 Black u l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri;
  • Iwaqqaf minnufih l-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment u jordna investigazzjoni indipendenti dwarha;
  • Jippubblika l-kuntratt bejn il-Gvern u Henley & Partners;
  • Jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja mingħajr eċċezzjoni; u
  • Jitlob, mingħajr dewmien, inkjesta pubblika u indipendenti fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, b’mod partikolari fuq iċ-ċirkostanzi li waslu għal dan il-qtil, ir-reazzjoni tal-awtoritajiet għalih u l-miżuri implimentati biex qtil simili ma jerġax iseħħ.

Apparti minn hekk, l-istess kumitat juri t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-awtoritajiet Maltin qatt ma talbu lill-Pulizija Ġermaniża biex jingħataw aċċess għad-data mil-laptops u l-hard disks ta’ Caruana Galizia, wara li dawn ingħataw lill-awtoritajiet Ġermaniżi mill-familja tagħha.

Il-Kumitat tkellem ukoll dwar il-kwistjoni tal-Monument tal-Assedju l-Kbir u l-mafkar għal Daphne Caruana Galizia u insista li “huwa ta’ importanza kbira” li tinstab soluzzjoni, f’koperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.

More in Politika