Żewġ ajruplani u bastiment jinstabu taħt il-baħar waqt l-istudji għall-pipeline

Ħabbar dan il-Ministru għall-Enerġija u l-Ilma Joe Mizzi ftit wara battibekk jaħraq ma' Hermann Schiavone

Ritratt l Arkivji
Ritratt l Arkivji

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Ilma, Joe Mizzi, qal fil-Parlament li waqt l-istudji preliminari għall-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija, taħt il-baħar instabu żewġ ajruplani u bastiment.

Waqt il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, il-Ministru qal li waqt li kienu għaddejin l-istudji marittimi nstabu dawn il-fdalijiet li ħadd qabel ma kien jaf bihom u li fi kliemu, ikomplu jżidu mal-patrimonju Malti.

Filwaqt li ma tax aktar dettalji dwar din is-sejba, il-Ministru Mizzi qal li l-Italja tinsab lesta biex tagħmel tibdiliet fir-rotta tal-pipeline biex ikun żgurat li l-aspett ambjentali jkun issalvagwardjat.

Dan il-pipeline se jkun twil 160 kilometru u se jiswa madwar €350 miljun.

Aktar qabel, id-diskussjoni saret xi ftit jew wisq taħraq meta d-Deputat tal-Oppożizzjoni Hermann Schiavone staqsa lill-Ministru għall-Enerġija jekk l-impjant għall-ħażna tal-gass tal-Enemalta fil-Qajjenza kienx qed jintuża biex jissaħħan il-heave fuel oil.

Il-Ministru Mizzi qal li filwaqt li l-heavy-fuel oil għadu jkun maħżun fil-Qajjenza, dan ma jinħaraqx hemm. Spjega li dan l-impjant jintuża sempliċiment bħala maħżen.

Id-diskussjoni kompliet titqanqal meta l-Ministru Mizzi indirettament akkuża lil Schiavione b’interess speċjali fil-impjant, waqt li implika li kellu xi ftehim mal-kuntrattur.

“Din hija akkuża serja ħafna,” wieġbu Schiavone waqt li talbu biex jirtira l-kumment.

Id-diskussjoni kkalmat meta l-Ministru Mizzi semma din is-sejba interessanti.

More in Politika