Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

'Ma jagħmilx sens li s-soċjetà timxi 'l quddiem u l-għalliem imur lura' - Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni llum iltaqa' ma' delegazzjoni mill-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT)

Yendrick Cioffi / 11 ta' Frar 2019 16:05
"Pajjiżna mexa 'l quddiem meta investa fl-edukazzjoni, meta investa fl-għalliema u l-edukaturi. Ma jagħmilx sens li s-soċjetà timxi 'l quddiem u l-edukatur jibqa' fejn hu jew imur lura.” Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt laqgħa li kellu ma’ delegazzjoni mill-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT).

Fid-dikors tiegħu, Delia qal li pajjizna mexa 'l quddiem meta investa fl-edukazzjoni, meta fetaħ il-bibien biex aktar nies jitħarġu fis-snajja, fi professjonijiet u f'ħiliet ġodda. Fi kliemu, l-għalliema u l-edukaturi huma l-fus ta' dan kollu.

Matul din il-laqgħa ġew diskussi numru ta' temi fosthom is-sigurtà fl-iskejjel, l-ippjanar fis-sistema edukattiva u lħhtieġa li l-għalliema u l-edikaturi jkunu aktar stmati u rikonoxxuti għall-kontribut li jagħtu lis-soċjetà.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jaqbel mal-miżuri li qed tipproni l-MUT sabiex titjieb is-sigurtà fl-iskejjel. Dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-għalliema, Delia insista li ħadd ma għandu jitħalla jaqa’ lura fis-soċjetà, aktar u aktar l-għalliema u l-edukaturi, li fi kliemu, jistħoqqilhom l-akbar rikonoxximent.

Għal-laqgħa mal-MUT flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Ġenerali u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u l-Ħiliet għas-Seklu 21 Clyde Puli, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Djalogu Soċjali, Volontarjat u s-Socjetà Ċivili u l-Kuntatt man-nies Hermann Schiavone, il-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Dione Borg u l-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali f'Birkirkara Justin Schembri.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook