Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Miexi x-xogħol fuq mina ta' 9.5 kilometri għal kwalità ta' ilma aħjar

Din il-mina qed tinbena taħt l-art bejn l-impjant tar-Reverse Osmosis ta’ Pembroke u l-ġibjuni f’Ta’ Qali

Yendrick Cioffi / 11 ta' Frar 2019 15:55
Għaddej ġmielu x-xogħol fuq mina li qed tinbena taħt l-art bejn l-impjant tar-Reverse Osmosis ta’ Pembroke u l-ġibjuni f’Ta’ Qali.

Dalgħodu, żaru x-xogħlijiet il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia.

L-għan ta’ din il-mina, twila 9.5 kilometri, huwa li jtejjeb il-kwalità tal-ilma f’ħafna partijiet f’Malta u jsaħħaħ l-effiċjenza fl-operat u fis-sostenibbiltà ambjentali.

Il-Ministru Mizzi qal li dan il-proġett hu parti minn investiment bla preċedent li qed tagħmel il-Korporazzjoni fis-settur tal-ilma u fakkar li l-investiment totali, mifrux fuq erba’ snin f’diversi lokalitajiet f’Malta, ilaħħaq b’kollox ’il fuq minn €130 miljun. 

Ir-Reverse Osmosis f’Pembroke hu l-ikbar impjant tal-WSC fejn bħalissa qed isir ukoll xogħol fuq il-magni li qed jiġu modernizzati u li se jirriżulta fl-iffrankar ta’ €421,596 fis-sena.

L-ilma trasferit mir-Reverse Osmosis ta’ Pembroke jitħallat mal-ilma tal-pjan f’Ta’ Qali u jiġi ttestjat u trattat biex jiżgura taħlita ta’ kwalità mill-aqwa. Tul iż-żjara kien spjegat li l-pajpijiet li se jintużaw għall-kostruzzjoni tal-mina huma l-ewwel tat-tip tagħhom f’Malta. B’kollox se jintuża fejn se jintużaw madwar 3,000 tunellata.

Min-naħa tiegħu,  is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li Malta qed isservi ta’ eżempju għal pajjiżi oħrajn fejn jidħol l-ilma.

“Malta qed timraħ u pajjiżi oħrajn qed iħarsu lejn Malta bħala benchmark fejn tidħol is-sigurtà tal-provvista tal-ilma, titjib tal-kwalità tal-ilma u l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma kif ukoll it-taħlit ta’ riżorsi varji bil-għan li tintlaħaq effiċjenza massima tal-użu tar-riżorsi,” qal Farrugia.

Il-mina ta’ Pembroke hi parti minn pjan ħolistiku biex jintlaħqu dawn il-miri u parti minn proġett ikbar b’valur totali li jammonta għal iktar minn €100 miljun kofinanzjati minn fondi Ewropej.

“Is-suċċess li pajjiżna kiseb fl-aħħar snin u t-tkabbir ekonomiku li qed nesperjenzaw qed joħloq domanda ikbar għall-ilma. Bil-fondi Ewropej qed nindirizzaw dan u b’hekk nibnu l-infrastruttura ta’ għada,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook