32,000 jgħidu li ġieli ppruvaw il-kannabis iżda l-maġġoranza ma jaqblux li tkun legalizzata

Dan meta lura fl-2014, il-maġġoranza tal-Maltin kienu favur id-dekriminalizzazzjoni tal-kannabis

Madwar 32,000 persuna li għandhom ‘il fuq minn 18-il sena ppruvaw il-kannabis xi darba jew oħra f’ħajjithom, anke jekk persuna minn kull ħamsa biss jaqblu dwar il-legalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu rikreattiv.

Dan ħareġ minn stħarriġ ippubblikat ilbieraħ fuq il-gazzetta oħt MaltaToday li staqsa lil dawk li ħadu sehem jekk jaqblux mal-legalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu rikreattiv.

Minn dan l-istħarriġ, irriżulta li 66% tal-Maltin huma kontra l-legalizzazzjoni tal-kannabis, b’23.6% biss iwieġbu favur.

Din il-figura hija ferm inqas minn dik ta’ 51.4% li fl-2014 kienu favur id-dekriminalizzazzjoni tal-kannabis.

Filwaqt li l-kannabis tibqa’ illegali, il-Gvern kien biddel il-liġi biex dawk li jinqabdu b’ammont żgħir ta’ kannabis għall-użu personali tagħhom ma jispiċċawx il-Qorti, anke jekk il-kannabis tibqa' illegali.

Forsi kif wieħed jistenna, huma dawk il-ġenerazzjonijiet iżgħar l-aktar li jaqblu mal-legalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu rikreattiv, għalkemm dawn xorta waħda ma jagħmlux maġġoranza.

Jirriżulta li l-aktar li għamlu użu mill-kannabis huma dawk li għandhom bejn it-18 u t-35 sena, b’17.5% jgħidu wkoll li ġieli ppruvaw il-marijuana.

Apparti minn hekk, l-istess stħarriġ wera li 29.3% ta’ dawk li ħadu sehem jafu lil xi ħadd li jieħu l-kannabis, b’madwar 100,000 persuna jafu lil xi ħadd li juża l-marijuana.

More in Politika