Qbil mal-operaturi dwar prezz fiss għal kull tunnellata skart mormija fil-barrieri

Nhar il-Ħadd li għadda l-ILLUM irrappurtat kif żewġ operaturi partikolari setgħu jagħmlu sa €1.2 miljun kull xahar minn barriera li fiha qed jintefa’ l-iskart

Waqt laqgħa għall-operaturi tat-twaqqigħ tal-bini u l-iskavar, intlaħaq qbil li għas-sena u nofs li ġejjin, jiġi ffissat il-prezz ta’ mhux aktar minn €8+VAT għal kull tunnellata ta’ skart imwassal fil-barrieri.

Din il-laqgħa kienet indirizzata mill-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera u mill-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi Sandro Chetcuti u li matulha ġie spjegat kif dan il-prezz fiss qed isir biex “ma titnaffarx l-ekonomija b’żidiet mhux iġġustifikati.”

Fil-fatt, fit-30 ta’ Jannar li għadda, il-gazzetta oħt Maltatoday żvelat kif il-prezz tar-rimi tal-iskart kellu jiżdied biex b’hekk il-prezz ta’ kull tunnellata ta’ skart tal-kostruzzjoni mormi fil-barriera kellu jogħla minn €7 sa €12 għal kull tunnellata. Intant l-iskart mit-twaqqigħ kellu jiżdied minn €10 għal kull tunnellata għal €25.

Il-Ħadd li għadda, il-gazzetta ILLUM kompliet tiżvela kif l-operaturi Tum Invest u V&C Contractors, li flimkien jagħmlu l-kumpanija La Cava Operations Ltd, jistgħu jagħmlu madwar €1.2 miljun kull xahar minn barriera ħdejn is-Siġġiewi li fiha qed jintefa’ l-iskart, wara permess li ħareġ f’temp ta’ sitt ijiem biss mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Fost affarijiet oħra, l-ILLUM żvelat li l-prezz li titlob La Cava Operations għal kull trakk li jarmi l-iskart huwa ta’ €360. Sorsi li kienu tkellmu ma’ din il-gazzetta kienu qalu illi lejn il-barriera jmorru madwar 180 trakk kuljum li jitfgħu l-iskart fiha. Dan jammonta għal madwar €64,800 kuljum jew  €1.2 miljun fix-xahar, jiġifieri €15-il miljun fis-sena.

Iżda issa, minn għada, il-prezz ma jistax jibqa’ jgħola b’mod esaġerat bil-Ministru jisħaq li lest juża l-mezzi kollha li tagħtih il-liġi jekk ma jsibx koperazzjoni ġenwina mill-operaturi tal-barrieri.

Min-naħa tiegħu, Sandro Chetcuti appella lill-Gvern biex jaħdem bi sħiħ ħalli jkun hawn soluzzjonijiet alternattivi għar-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni, billi jinfetħu iktar barrieri għal dan il-għan u tfittex tingħata direzzjoni iktar ċara dwar ir-reklamazzjoni tal-art f’pajjiżna.

More in Politika