Il-Knisja tisħaq li jekk il-baħar isir miżbla ġdida se tgawdi biss l-industrija tal-kostruzzjoni

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tisħaq li qabel ngħidu li art reklamata se tintuża għal spazji miftuħa, l-ewwel għandna nieħdu ħsieb l-ispazji li diġà għandna

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) saħqet li ma tistax tifhem kif f’daqqa waħda qed jingħad li l-pajjiż qed jiffaċċja kriżi ta’ fejn għandu jintrema l-iskart tal-kostruzzjoni meta dan ilu ovvju għal min iħares fil-futur.

Fid-dawl tal-kwistjoni dwar ir-reklamazzjoni tal-art, il-KA akkużat lill-awtoritajiet, għax fi kliemha, abdikaw mir-responsabbiltà tagħhom li jippjanaw fit-tul biex ma jtellfux l-hekk imsejjaħ ‘progress’ u minħabba f’hekkk ħallew lil setturi ekonomiċi jistagħnew kemm jifilħu biex id-dannu qed ibatih kulħadd.

“Issa nippretendu li, bla ma noqogħdu naħsbuha darbtejn, neħilsu minnha billi nwaddbu kollox fil-baħar,” qalet il-KA iżda appellat biex almenu, jitqiesu dawn il-punti:

  • Il-bijodiversità tal-baħar m’għandhiex tkun mittiefsa. Fi kliem il-KA, jekk se nħarsu lejh bħala l-miżbla l-ġdida biex mingħalina nkunu ħlisna mill-iskart, nerġgħu għal darb’oħra nilludu ruħna li sibna soluzzjoni għall-ħela u l-eċċessi ta’ industrija li mhijiex miexja b’passi u prattiċi sostenibbli;
  • għandhom isiru studji tal-impatt ambjentali, waqt li insistiet li r-riżultati ta’ dawn l-istudji għandhom jiġu ppubblikati u implimentati;
  • għandha titqies id-dimensjoni tar-reklamazzjoni (jekk din tassew meħtieġa) li m’għandhiex tkun determinata mill-kwantità ta’ skart li rridu neħilsu minnu;
  • il-kriterji tal-għażla tas-sit m’għandhomx ikunu ddettati minn interessi kummerċjali; u
  • m’għandniex nilludu ruħna li l-art reklamata se tmur sabiex jinħolqu xi spazji miftuħa. “L-ewwel nieħdu ħsieb u nipproteġu l-ispazji miftuħa li diġà għandna,” qalet il-Kummissjoni.

Kien għalhekk li l-KA spjegat, kif l-ewwel pass għandu jkun li jitrażżan l-iskart tal-kostruzzjoni u niefqu nħarsu lejh bħala problema li llum jew għada jrid isolvi ħaddieħor.

“Jeħtieġ jitħaddmu standards għal twaqqiegħ ikkontrollat bi skop ta’ separazzjoni u riċiklaġġ tal-materjali, u jitħaddmu prattiċi aktar sostenibbli ta’ xogħol li jnaqqsu l-ħela. Għandna fuq kollox nesploraw aktar il-potenzjal li hemm fl-iskart tal-kostruzzjoni u tal-iskavar bħala riżorsa!” insistiet il-KA.

Filwaqt li rreferiet għal “proġetti ta’ bini mostruż” li qed ikunu approvati, appellat biex il-pajjiż nikun sensittiv għall-karba tal-parti l-kbira tal-Maltin li ma jifilħux jaraw lil pajjiż “jinqered.”

“Il-KA tħoss li wasal iż-żmien li f’din il-kwistjoni wkoll, min hu responsabbli għandu jiddefendi, l-ewwel u qabel kollox, l-interessi ta’ kull Malti, billi jfassal pjani fit-tul u politika li verament joffru qafas ta’ sostenibbiltà li permezz tagħhom igawdu mhux il-ġenerazzjonjiet preżenti biss, iżda anke dawk tal-ġejjieni,” saħqet il-Kummissjoni.

More in Politika