Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Esperti jisħqu li Malta mhux ippreparata biex tgħin lil dawk li jispiċċaw fit-triq

Diversi esperti spjegaw kif it-tkabbir ekonomiku li esperjenza l-pajjiż wassal ħafna persuni biex jispiċċaw fir-riskju li ma jkollhomx saqaf fuq rashom

Yendrick Cioffi / 8 ta' Frar 2019 13:42
Il-liġijiet ta’ Malta ma jgħinux lil dawk l-aktar vulnerabbli u t-tkabbir ekonomiku poġġa lil ħafna persuni fir-riskju li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Dan qaluh esperti waqt seminar li sar dalgħodu biex ifakkar lil Charles Miceli, l-attivist li tant ħadem biex jiġġieled il-faqar u li miet f’Ottubru tas-sena li għaddiet.

Matul dan is-seminar, esperti saħqu li Malta mhijiex ippreparata biżżejjed biex tindirizza każijiet ta’ persuni li ma għandhomx fejn joqogħdu, faqar li skont l-esperti huwa moħbi.

Fost oħrajn, Ann Marie Cutajar, mill-Fakultà tal-Benessri tas-Soċjetà saħqet li l-liġi Maltija ma tatix definizzjoni ta’ xi tfisser din il-problema soċjali u lanqas ma jeżistu statistiċi li jagħtu idea ta’ kemm hawn persuni bla saqaf fuq rashom.

Skont l-aħħar statistika ppubblikata fil-Parlament f’Ottubru tal-2018, 27 persuna kienu rrappurtati li qed jgħixu barra bejn l-2013 sa Awwissu li għadda, anke jekk skont l-esperti, din l-istatistika hija l-bogħod mir-realtà.

Spjegat kif ħafna qed isibu ruħhom fit-toroq minħabba diversi raġunijiet, fosthom għax mat-tkabbir tal-ekonomija, żdiedu wkoll il-prezzijiet tal-proprjetà u l-prezzijiet tal-kera u naqsu l-għajnuniet mill-bank, fost oħrajn.

“Il-kura soċjali hija importanti daqs il-kura fiżika,” kompliet tisħaq Cutajar waqt li spjegat kif mill-istudji tagħha rriżulta li ħafna mill-każijiet ta’ persuni bla saqaf fuq rashom kienu riżultat ta’ vjolenza domestika, relazzjonijiet imkissra, djun, vizzji, kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali u l-faqar.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook