Intervista | 'Iċ-ċifri juru li mhux vera tilef ruħu dan il-gvern' - Falzon

Fuq id-Dipartiment tal-Anzjani biss nonfqu daqs tliet ministeri. U allura mhux korrett li ngħidu li l-Gvern tilef r-ruħ soċjali.

Il-Ministru Michael Falzon
Il-Ministru Michael Falzon

Michael Falzon huwa l-ministru bi probabbilment l-aktar portafoll importanti fil-Gvern, mhux biss f’dan il-Gvern imma prattikament kull Gvern, lokalment u fuq bażi Ewropea.

Huwa jmexxi l-ministeru li jieħu ħsieb joħroġ il-flus għall-pensjonijiet, il-flus għas-servizzi soċjali u li f’Malta bħalissa jkopri fost l-aktar kwistjonijiet jaħaqru, fuq quddiem il-kirjiet privati ta’ wara l-1995 li splodew fil-valur grazzi għal domanda qawwija u l-kwistjoni tal-akkomodazzjoni soċjali.

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ mal-Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon fil-Ministeru tiegħu, l-ewwel intervista li fil-fatt saritlu mill-ILLUM u tibda billi tistaqsih mistoqsija aktar ġenerali dwar il-partit fil-Gvern li hu parti minnu.

Issir ħafna kritika minn bosta illi l-Gvern Laburista tilef ruħu, m’għadux soċjalist imma sar kapitalist bil-flus jiddeterminaw kwalunkwe politika, pass li jieħu jew ftehim li jiffirma.

Kemm jaħseb li hi ġusta din il-kritika Falzon?

‘Iċ-ċifri juru li l-Gvern għandu ruħ soċjali’

“Huwa żbaljat li ngħidu li l-Gvern m’għandux ruħ soċjali u dan huwa kkonfermat min-numri u ċ-ċifri,” jibda jinsisti Falzon illi jfakkar illi terz tal-baġit tal-pajjiż jgħaddi mill-ministeru tiegħu.

“Fuq id-Dipartiment tal-Anzjani biss nonfqu daqs tliet ministeri. U allura mhux korrett li ngħidu li l-Gvern tilef r-ruħ soċjali.”

Il-Ministru Falzon fakkar illi l-ispiża tal-Gvern qed tiżdied dejjem hekk kif iktar nies qed jgħixu ħajja itwal.

Minkejja dak li qed jgħid il-Ministru iżda, infakkru li għad hawn eluf kbar ta’ anzjani u pensjonanti li qed jgħixu fil-preċipizju tal-faqar. Allura ladarba dan huwa minnu, kif jista’ jgħid il-Gvern illi qed jagħmel suċċess?

25,000 persuna inqas fil-faqar mill-2013...

“Irridu nkunu fattwali. Fl-2013, jiġifieri meta tela’ fil-Gvern il-Partit Laburista kien hemm 99,000 persuna f’riskju ta’ faqar. L-aħħar statistika turi li issa dan l-ammont naqas għal 82,000.”

Huwa sostna illi bħalma naqsu dawk li jinsabu f’riskju ta’ faqar, naqsu wkoll dawk li huma severament nieqsa minn affarijiet bażiċi biex tgħix ħajja diċenti. Jgħid illi fl-2013 kien hemm 39,000 li jaqgħu f’din il-kategorija filwaqt li llum dawn naqsu għal 14,000.

Dan iċ-ċaqliq jurik illi sar progress, skont Falzon.

‘Fuq il-pensjonijiet  kważi wettaqna l-wegħda elettorali...’

Huwa jsemmi diversi miżuri li wettaq dan il-Gvern, fosthom Child Care Centres b’xejn, tnaqqis tal-kontijiet tad-dawl u ilma kif ukoll it-tapering tal-benefiċċji. It-tapering tal-benefiċċji hija miżura illi permezz tagħha meta persuna qiegħda tfittex xogħol, il-benefiċċji tal-qgħad ma jinqatgħulhiex f’daqqa.

Falzon iżda jfakkar illi wara 25 sena kien dan il-Gvern li reġa’ għolla l-pensjonijiet. “Il-Gvern qed jgħolli l-pensjonijiet kif kien hemm imwiegħed fil-programm elettorali fejn għidna li l-pensjonijiet iridu jogħlew bi €8 kull ġimgħa. Sa issa se nkunu diġà kważi wettaqna dak li wegħedna.”

Ifakkar illi mill-bidu ta’ din is-sena reġgħu żdiedu l-pensjonijiet u żdied ukoll iċ-Childrens’ Allowance sa massimu ta’ €96 għal dawk li jaqilgħu l-inqas.

“Imbagħad hemm miżuri oħrajn li wettaqna; trasport b’xejn għall-istudenti, ġurnata iktar leave, waqfu l-listi ta’ stennija u l-mediċini out-of-stock, pagament ta’ kull sena għal tal-korpi...”

Finalment dwar il-miżuri soċjali nistaqsih kemm se ddum sostenibbli s-sistema tas-servizzi soċjali tagħna speċjalment jekk it-tkabbir ekonomiku ma jibqax robust kif inhu issa. Hu wieġeb billi fakkar illi t-tkabbir qawwi ħafna ta’ bħalissa b’ekonomija taħdem tajjeb, fejn minflok proċeduri ta’ defiċit kontra Malta, illum il-pajjiż qed jirreġistra surplus u dan ifisser li s-sistema tista’ tibqa’ sostenibbli.

Huwa fakkar ukoll illi l-miżuri soċjali nfushom, minkejja li huma spiża, huma wkoll parti mir-raġuni għalfejn qed nesperjenzaw tkabbir ekonomiku qawwi.

Kirjiet: ‘il-kuntratt bejn il-partijiet jirbaħ fuq kollox’

Nieqfu nitkellmu fuq il-miżuri partikolari u l-Baġit u nagħtu ħarsa lejn l-aktar kwistjoni illi hija wġigħ ta’ ras għal numru ta’ familji f’pajjiżna, problema li bil-prezzijiet tal-proprjetà kif inhuma tiżdied tista’ mhux tonqos.

Numru ta’ nies jaraw il-kirja tagħhom tiżdied b’€100, €200 jew anke €300 f’temp ta’ ftit żmien, jekk mhux mil-lum għal għada.

Infakkru illi f’din il-kwistjoni hemm min irid li din il-White Paper ma ssir xejn u hemm min, kif jien infurmat li Falzon wieħed minnhom, li jrid jagħti protezzjoni assoluta lill-inkwilin.

Jitbissem imma ma jweġibx il-misqtosija illi fiha nitolbu jikkonferma dan hux minnu.

Minflok iżda jfakkar illi f’pajjiżna 80% huma sidien ta’ darhom, filwaqt xi 15% oħrajn qed jgħixu f’kirja antika. Il-bqija qed jgħixu fi proprjetà mikrija bil-kirjiet ta’ wara l-1995.

“Il-kuntratt li jagħmlu bejniethom il-partijiet jirbaħ fuq kollox,” jibda jispjega Falzon.

“Il-White Paper, li għalissa għadha biss White Paper, tħares lejn diversi oqsma u għalissa għadha fi stadju ta’ diskussjoni u għad m’hemm xejn finali.”

Il-Ministru Falzon jinsisti li ċerti esaġerazzjonijiet jeħtieġ ikunu kkontrollati. Mistoqsi xi jrid jgħid biha ‘esaġerazzjonijiet’ hu qal illi filwaqt li dak li jiddeċiedu l-partijiet ma jista’ jbiddlu ħadd, mhux ġust illi wara li persuna tidħol f’kuntratt, is-sid jaqbad u bla mistenni jgħolli l-kera b’xi €250.

Falzon huwa ħerqan biex jinsisti li pajjiżna mhux qed jivvinta r-rota. Ifakkar li hemm diversi mudelli partikolari li wieħed jista’ jadotta.

‘Hemm bżonn il-Gvern jidderieġi...’

Infakkru illi l-Malta Developers’ Association u xi membri tagħha diġà bdew jitfgħu dik it-theddida ħelwa illi jekk il-Gvern jissikkahom ineħħu l-proprjetà minn fuq is-suq.

Imma l-Ministru jemmen li tista’ tinstab soluzzjoni aktar paċifika u t-triq tan-nofs. Ifakkar li l-Gvern mhux qed jipproponi li jkun hemm liġi li tagħti lill-inkwilini dritt assolut għall-proprjetà li tkun għall-kiri għal xi 40 sena.

“Hemm bżonn li l-Gvern jidderieġi s-suq,” sostna Falzon.

‘Imma kif ‘tidderieġi’ s-suq?’ tistaqsi l-gazzetta.

“Ejja ngħidu, pereżempju, li hemm kirja b’durata ta’ sentejn, tlieta jew aktar. Aħna mhux qed ngħidu li l-Gvern għandu jindaħal fil-prezz tal-kirja. Aħna qed ngħidu li matul dak il-perjodu kirja ma tkunx tista’ togħla b’aktar minn 5%, pereżempju,” jispjega Falzon.

“Is-suq isuq vera. Imma l-Gvern irid jidderieġi wkoll,” sostna ma’ din il-gazzetta.

Imma jekk, kif kienet irrapportat din il-gazzetta, il-Gvern imur għal durata minima ta’ sena biss, iħoss li din tkun aċċettabbli? Sena biss, toffri serħan il-moħħ?

Falzon jgħid li hu, personali, iħoss li f’sena tkun biżżejjed biex persuna jew familja tistabbilixxi lilha nnifisha fir-residenza għalkemm sostna mill-ewwel li nistgħu nħarsu wkoll lejn pajjiżi oħrajn fejn durata minima hija ta’ ħames snin.

Finalment, dwar din il-kwistjoni, din il-gazzetta staqsiet lil Falzon jekk għandux appoġġ mill-Kabinett dwar il-White Paper.

“Kieku m’għandniex l-appoġġ il-Gvern ma kienx jagħmel din il-White Paper. Assolutament ma kien hemm ebda reżistenza,” jsostni Michael Falzon.

“Il-problema tal-akkomodazzjoni soċjali hija fost l-aktar diffiċli biex issolvi...”

Imma jekk il-kirjiet huwa suġġett jaħraq, mhux wisq inqas hija l-akkomodazzjoni soċjali.

Huwa fatt li l-Awtorità tad-Djar għandha lista ta’ stennija li sa sena ilu kienet madwar 3,000 applikazzjoni. Ammont li probabilment baqa’ jikber fl-aħħar sena.

Minkejja dan, proġetti sħaħ ta’ akkomodazzjoni soċjali, minkejja li kienu mħabbra u saru stejjer fuqhom (inkluż fuq l-ILLUM) diversi drabi għadhom lura ħafna. Biżżejjed naraw kif il-parti tal-proġett li se jsir f’Ħal Farruġ, li jinvolvi l-akbar numru ta’ appartamenti, għadu lanqas biss beda.

Għalfejn qed indumu daqshekk? X’qed iżomm il-proċess lura?

Falzon jibda billi jfakkar fl-obbligu tal-Gvern li jgħin lil dawk illi sinjur kemm ikun sinjur il-pajjiż xorta se jaqgħu lura.

“Il-problema tal-akkomodazzjoni soċjali hija fost l-aktar diffiċli biex issolvi, għax inti għandek ċerta żmien minn meta jibda x-xogħol sakemm jispiċċa.”

Infakkru wkoll iżda illi l-proġett għadu lanqas beda.

Falzon ifakkar kif hemm 16-il sit ta’ akkomodazzjoni soċjali li se jkunu iffinanzjati grazzi għall-fondi Ewropej, mill-Bank Ċentrali Ewropew. “Apparti minn hekk hemm ukoll proġett separat ta’ akkomodazzjoni soċjali, li se jkun imħallas minna stess,” jgħid Falzon f’referenza għall-proġett tal-akkomodazzjoni soċjali ffinanzjat mill-flus tal-bejgħ tal-passaporti. “B’kollox se jkollna madwar 1,000 appartament.”

Kompla jgħid iżda li minn fost is-16-il tender issa ntrebħu wħud minnhom filwaqt li oħrajn issa ħarġu.

Il-care orders daqshekk jiffirma għalihom il-Ministru

Intant Falzon huwa responsabbli għall-emendi u bidliet li mistennija jsiru lill-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal, xi ħaġa li Falzon jixtieq li tkun parti importanti mill-wirt tiegħu bħala Ministru.

“Il-bidliet li qed nipproponu jpoġġu dejjem lit-tfal fiċ-ċentru biex l-ewwel interess ikun tagħhom,” sostna Falzon li qal ukoll li permezz tal-bidliet il-Ministru mhux se jibqa’ jkun il-persuna li jiffirma care orders hu.

Mhux l-ewwel darba fil-fatt li care orders tat-tfal spiċċaw ballun politiku b’ġenituri li jkunu tteħdulhom it-tfal jagħmlu pressjoni politika biex jieħdu lit-tfal lura.

Qal ukoll illi b’dawn il-bidliet se jibda jkun possibbli li foster carer tadotta wara li tkun ilha tieħu ħsieb lit-tifel/tifla ħames snin, minflok 10. “Aħna qed ngħidu li 10 snin huwa żmien twil wisq. Għall-inqas ħames snin, jekk it-tfal ma kellhomx kuntatt mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom. (Ara paġna 7)

Infakkru illi qamu xi dubji s-sena l-oħra dwar adozzjonijiet mill-Indja u jekk dawn humiex parti minn traffikar tal-bniedem.

Huwa jserraħ ras in-nies u jinsisti li meta ssir adozzjoni minn pajjiż barrani din hija rregolata mill-Konvenzjoni ta’ Hague u li jew iż-żewġ pajjiżi jkunu firmatarji jew inkella jkun hemm ftehim bilaterali. Huwa kompla jispjega kif l-adozzjonijiet qed isiru, prinċipalment, mill-Islovakkja, l-Indja u l-Portugall.

Finalment fakkar ukoll li adozzjoni dejjem trid tgħaddi mingħand l-awtorità ċentrali, fil-każ ta’ Malta l-Appoġġ jew inkella entità li hija ċċertifikata biex tagħmel dan ix-xogħol mill-Appoġġ. Fakkar illi adozzjonijiet personali, fejn inti titla’ pajjiż, tagħżel tifla/tifel u tniżżlu pajjiżna mingħajr ma tgħaddi mill-proċessi neċessarji hija illegali.

‘L-Awditur kellu motivazzjoni ulterjuri...’

Resqin lejn tmiem l-intervista u mmur naqra lura fiż-żmien. Falzon kien irreżenja wara li ħareġ l-iskandlu ta’ Gaffarena u allura kif dan kien għamel profitti minn proprjetà li biegħ lill-Gvern wara esproprijazzjoni.

Imma llum tgħallem xi ħaġa minn dik l-esperjenza?

 Huwa jammetti li kien dispjaċut meta tefa’ r-riżenja tiegħu minn Segretarju Parlamentari.

Huwa sostna illi ħadd ma kien ġiegħlu jirreżenja għalkemm baqa’ jsostni li r-rapport tal-awditur li kien tefa’ t-tort tal-esproprijazzjoni fuqu kellu “motivazzjoni ulterjuri.”

"S’issa l-intenzjoni hija li noħroġ iva."

More in Politika