Il-Qorti tordna li jkompli jinstema' l-każ tal-kontijiet allegatament ikkalkulati ħażin

Il-każ kien beda f'Novembru ta' 2017 minn żewġ konsumaturi

Illum il-Qorti caħdet l-argumenti mressqa mill-avukati ta’ Arms Ltd u ordnat li l-każ dwar l-kontijiet tad-dawl u ilma allegatament ikkalkolati ħażin ikompli jinstema' fil-Qorti Ċivili.

Il-każ inkwistjoni kien ġie ppreżentat il-Qorti f'Novembru 2017 mill-avukat Maxilene Pace f'isem żewġ konsumaturi li allegatw kif l-ARMS kienet qed tikkalkula l-kontijiet ħażin meta titlob lill-konsumaturi jħallsu għall-utilitajiet tagħhom fuq bażi pro rata għall-perjodu ta' sena.

L-avukat taż-żewġ konsumaturi li ressqu l-każ qed jisħqu li dan m'għandux iseħħ, minħabba li taħt l-avviż legali 545.01, il-proprjetajiet residenzjali għandhom ikunu kkalkulati fuq it-tariffa bażika tal-konsum annwali totali.

Minkejja dan, il-kont jista’ jiġi kkalkulat fuq bażi pro rata skont gwida stabbilita fil-liġi nnifisha, iżda imbagħad jeħtieġ li jsir kalkolu finali li jerġa’ jirrifletti l-konsum annwali attwali u dak li ġie mħallas żejjed. Skont l-avukat, din tal-aħħar mhux issir.

L-ARMS argumentat li l-każ ma kellux jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Ċivili peress li jeżisti tribunal speċjali li jittratta tilwim dwar il-kontijiet.

Madankollu, l-Qorti Ċivili, iddeċidiet mod ieħor. "Iż-żewġ konsumaturi qed jinsistu li ARMS Ltd qed tikkalkula l-kontijiet tagħhom b'tali mod li l-liġijiet regolatorji ma kinux qed jiġu rispettati,” filwaqt li żiedet tgħid li, "l-għan aħħari ta 'l-applikanti ma kienx il-kalkolu tal-kontijiet tagħhom imma li r-regoli li fuqhom jiġu kkalkulati l-kontijiet huma żbaljati.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-qorti  irrifjutat it-talba mressqa mill-ARMS u ordnat li l-każ jibqa ‘għaddej.

More in Politika