Sa 277 tifla f'pajjiżna fir-riskju li jgħaddu minn proċess tat-tneħħija tal-ġenitali esterni

Bejn 39% u 57% tal-bniet li ġejjin minn pajjiżi Afrikani u li qegħdin f'Malta fir-riskju li ssirilhom mutilazzjoni ġenitali femminili (FGM)

Il-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili hija illegali f'pajjiżna
Il-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili hija illegali f'pajjiżna

Huwa stmat li f’Malta 39 % sa 57 % tal-486-il tifla li ġejjin minn pajjiżi fejn tiġi pprattikata l-mutilazzjoni ġenitali femminili (FGM) huma fir-riskju li fil-fatt jgħaddu minn dan il-proċess perikoluż għas-saħħa tal-mara. L-FGM hija xi ħaġa li hija illegali f'pajjiżna. 

Fil-parti l-kbira tagħhom, il-bniet li jinsabu f’riskju ta’ mutilazzjoni ġenitali femminili f’Malta joriġinaw mis-Somalja, l-Eritrea, l-Etjopja, l-Eġittu, is-Sudan, in-Niġerja u Sierra Leone.

Dawn is-sejbiet jirriżultaw mir-riċerka l-aktar riċenti li twettqet mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-UE . 

Il-Mutilazzjoni ġenitali femminili tirreferi għall-proċeduri tat-tneħħija parzjali jew totali tal-ġenitali esterni tal-mara. Dan il-proċess huwa meqjus bħala ksur tad-drittijiet tan-nisa u tad-drittijiet tal-bniedem. 

Huwa maħsub li mal-200 miljun mara kienu mġiegħla jgħaddu minn dan il-proċess ħafna drabi bħala parti mill-kultura ta' ċerti sezzjonijiet tal-poplu ddominati mill-irġiel.  

 

More in Politika