Il-Gvern jiddefendi lilu nnifsu minn theddida biex jitwaqqaf il-proġett tal-Corinthia fl-UE

...fi stqarrija jinnota kif l-opertauri li bagħtulu ittra lbieraħ baqgħu anonimi

Il-Gvern fi stqarrija, rrikonoxxa ittra li rċieva mingħand konsorzju bl-isem 'Foresite' għalkemm innota kif dawn l-operaturi għażlu li jibqgħu anononimi. 

Kien ilbieraħ li l-Gvern irċieva ittra mingħand dan it-tali grupp ta' operaturi, li fiha jingħad illi l-ftehim mal-grupp Corinthia jikser ir-regoli tas-sussidji statali tal-Unjoni Ewropea. Din l-ittra tgħid li l-ftehim li qed jiddefendi l-Gvern u l-PM Joseph Muscat "jagħti vantaġġ illegali lill-International Hotel Investments (li tmexxi l-Corinthia) u teskludi żviluppaturi potenzjali oħrajn." 

Il-grupp hedded li jekk il-gvern ma jagħmel xejn hu se jkunu huma li jibgħatu rapport formali lill-Kummissjoni Ewropea u awtoritajiet oħrajn kif ukoll tittieħed azzjoni fil-Qrati ta' Malta dwar dak li jerġgħu jgħidu illi huwa 'ksur ċar tar-regolamenti dwar Sussidji Statali."

Il-Gvern fi stqarrija nnota kif il-proċess, biex isir il-proġett u negozjati dwar l-art, mal-Corinthia għadu għaddej u fakkar li fil-proċess kollu qed ifittex l-għajnuna tal-esperti. "Huwa ċar li l-Gvern mhux se jidħol fi kwalunkwe tranżazzjoni jekk ikun ingħata l-parir tal-istess esperti li din tikser il-liġijiet Maltin jew tal-Unjoni Ewropea." 

Filwaqt li fakkar li l-proċess se jmur quddiem il-Parlament, insista li dan il-proġett huwa wieħed tajjeb, li jmur id f'id mal-livell kwalitattiv ta' turiżmu li jrid il-Gvern, bil-ħolqien ta' lukanda ta' 5 stilel deluxe. 

 

 

More in Politika