'Egrant hija ta' Muscat jew ta' xi ħadd qrib tiegħu' - Franco Debono

Franco Debono jinsisti li sakemm ma jinstabx ta' min hi Egrant kollox jibqa' jipponta lejn il-Prim Ministru

Minkejja l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant, l-Avukat Franco Debono qed jinsisti li l-kumpanija Egrant fil-Panama hija tal-Prim Ministru Joseph Muscat jew ta’ xi ħadd qrib tiegħu.

“Jeżistu biżżejjed fatti fid-dominju pubbliku biex wieħed jikkonkludi argument li Egrant hija ta’ Muscat jew ta’ xi ħadd qrib tiegħu,” kiteb Debono fuq il-blogg tiegħu. “Altru milli kapitlu magħluq, jien qed nipprevedi li Egrant se tkun fost it-temi prinċipali fl-elezzjoni tal-MEPs.”

Huwa rrefera għas-sejħa li għamel Muscat ilbieraħ fejn qal lill-familja Caruana Galizia li lest iwaqqa’ l-libelli jekk jammettu li Daphne kienet żbaljata.

“Muscat għandu jieqaf jilgħab noli,” saħaq Debono. “Nikkumpatuh li jinsab f’sitwazzjonijiet kontroversjali iżda dan id-dewmien mal-lewża qed jgħejji lil kulħadd.”

Iżda kkritika wkoll in-nuqqas ta’ “strateġija” li fi kliemu kellha Daphne Caruana Galizia, għax skontu din kellha biżżejjed materjal biex iġġib lill-Partit Laburista “terrapien.”

Temm jisħaq li kull dubju li Egrant hija ta’ Muscat jitneħħa jekk issir investigazzjoni u jiġi stabbilit ta’ min hi Egrant.

“Kull ma sabet (l-injesta) hija li ma sabitx biżżejjed provi biex tgħid ta’ min hi jew mhijiex,” saħaq Debono.

More in Politika