Il-PN iħeġġeġ lill-Gvern biex jattira aktar żgħażagħ lejn il-professjoni tal-għalliema

Dan wara li lbieraħ l-MUT ilmentat dwar nuqqas ta' għalliema biex jgħallmu 13-il suġġett ġdid

Il-Partit Nazzjonalista qed iħeġġeġ lill-Gvern biex mingħajr dewmien jintroduċi strateġija nazzjonali bil-għan li aktar żgħażagħ jidħlu fil-professjoni tal-għalliema.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Clyde Puli u l-Ewroparlemantari Francis Zammit Dimech saħqu li huwa inaċċettabbli li l-Gvern qed jintroduċi 13-il suġġett ġdid għas-sena skolastika li jmiss mingħajr ma huwa ċert li se jkun hemm għalliema disponibbli.

Kienet il-Unjin tal-Għalliema (MUT) li lbieraħ ġibdet l-attenzjoni tal-Gvern dwar dan u appellat biex minnufih tittieħed azzjoni qabel ma jkun hemm “kollass” tas-sistema edukattiva.

“Dan mhux ġust fuq l-iskejjel, l-amministraturi, l-għalliema u l-istudenti li se jkollhom jiffaċċjaw dan l-istress,” saħqu l-kelliema tal-PN. “Dan juri nuqqas ta’ ppjanar fit-tul mill-Gvern fl-edukazzjoni.”

Zammit Dimech insista li l-Gvern għandu jaħdem aktar biex jimmodernizza l-edukazzjoni f’pajjiżna biex tilħaq livelli Ewropej u dan billi jipprovdi aktar opportunitajiet għall-għalliema u jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogol tagħhom, inkluż il-paga.

More in Politika