'Ma hemmx għalliema biex jgħallmu 13-il suġġett ġdid'

L-MUT tappella lill-Gvern biex jieħu ħsieb is-sitwazzjoni qabel ma jkun hemm kollass fis-sistema edukattiva

Il-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) uriet it-tħassib tagħha għan-nuqqas ta’ strateġija  nazzjonali biex ikunu attirati għalliema ġodda u dan hekk kif jirriżulta li ma hemmx għalliema biex jgħallmu 13-il suġġett.

Fi stqarrija, il-Unjin saħqet li ilha xhur għaddejja b’taħdidiet mal-Gvern biex tkun żviluppata strateġija nazzjonali li tattira żgħażagħ għall-professjoni tal-edukaturi.

Saħqet li ma hemmx biżżejjed għalliema għas-suġġetti tradizzjonali u ma hemmx għalliema għal 13-il suġġett ġdid li se jkunu introdotti s-sena d-dieħla.

“Minkejja dan, il-Ministeru għaddej b’kampanja biex jattira studenti għal dawn is-suġġetti l-ġodda mingħajr ma jindika min se jgħallem lil dawn l-istess studenti,” saħqet l-istqarrija.

Apparti minn dan, l-MUT saħqet li kien hemm diskrepanza fl-investiment li sar biex jiġu żviluppati laboratorji u workshops għal dawn is-suġġetti meta wieħed iqabbel l-investiment ieħor li sar għal suġġetti oħra, li skont il-unjin saru tat-tieni klassi.

L-MUT temmet tħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jieħdu kont ta’ din is-sitwazzjoni qabel ma “tikkollassa s-sistema” minħabba nuqqas ta’ riżorsa umana.

More in Politika