Lest iwaqqa' l-libell dwar Egrant basta l-familja tammetti li Daphne gidbet

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jerġa jinsisti li l-akkuża ta' Egrant kienet gidba kbira u jitlob ammissjoni mill-familja Caruana Galizia biex ikun jista' jwaqqa' l-libell

Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu, quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale, offra li jwaqqa' l-libell li fetaħ kontra Daphne Caruana Galizia sakemm l-eredi tagħha jammettu li kellha żball meta ippubblikat storja illi fiha kienet tgħid li Egrant Inc. kumpanija fil-Panama hija ta' Michelle Muscat.

Caruana Galizia kienet allegat ukoll li Muscat kienet qed tirċievi flus mill-Ażerbajġan, deħlin f'dan il-kont fil-Bank Pilatus. 

Dak il-ħin stess membri tal-midja tal-Partit Nazzjonalista marru ħdejn il-bank u kienu ġibdu filmat ta' Ali Sadr Hasheminejad, li fl-2017 kien arrestat fl-Istati Uniti. 

Muscat iddeskriva l-istorja ta' Egrant bħala 'gidba kbira'. "Jiena rari niftaħ libelli għax fil-pożizzjoni tiegħi naċċetta li naqla' l-kritika ... imma din id-darba l-gidba tant kienet kbira u involviet lil marti u lil uliedi u l-istabilità tal-pajjiż kienet affetwata."

Muscat qal illi minkejja li kien iffrustrat li xogħol il-maġistrat dam daqstant, ammetta li dan għamel xogħol tajjeb u insista li min ma jaċċettax ir-riżultati tad-deċiżjoni tal-maġistrat ma jridx jaċċetta l-verità."  

More in Politika