Il-Kumitat Eżekuttiv tal-PN jiddikjara l-fiduċja tiegħu f'Adrian Delia

Minn fost l-organi l-aktar importanti tal-PN, kien il-Grupp Parlamentari biss li għadu ma ddikjarax il-fiduċja tiegħu f'Adrian Delia

Kif ħabbret il-gazzetta ILLUM aktar kmieni din il-ġimgħa, ilbieraħ iltaqa’ l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, li fi tmiem il-laqgħa ppubblika stqarrija li fiha ddikjara b’mod unanimun l-fiduċja u l-appoġġ tiegħu fil-Kap tal-Partit Adrian Delia.

Fl-istess stqarrija, il-Kumitat Eżekuttiv ikkundanna dawk li sejħilhom bħala “attakki kkordinati u malizzjużi li saru fil-konfront tiegħu u kontra l-partit.”

L-istess għamel, aktar kmieni dan ix-xahar, il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjoanlista.

Madanakollu, minkejja laqgħa li saret nhar it-Tnejn li għadda, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ma ħareġ l-ebda stqarrija għalkemm hu mifhum li ġew diskussi l-allegazzjonijiet li qiegħed jiffaċċja l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Hu fatt magħruf, li ħafna fil-Grupp Parlamentari mhux qed jappoġġjaw lill-Kap tal-PN. Fost dawn id-Deputati hemm Jason Azzopardi u Beppe Fenech Adami, kif ukoll ħafna minn dawk id-Deputati li sfidaw lil Delia fuq id-deċiżjoni tiegħu li jitlob lil Simon Busuttil jissospendi lilu nnifsu mill-Grupp Parlamentari wara l-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant.

Minkejja mumenti ta' ċertezzza minn uħud, li se jittieħdu passi kontra Delia, inkluż li numru ta' Deputati jmorru għand il-President u jesprimu n-nuqqas ta' fiduċja f'Delia, ħadd ma ried jagħmel l-ewwel pass. 

Intant, waqt il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari jidher li ma naqsux il-battibekki, fosthom bejn Mario Galea u Therese Comodini Cachia.

More in Politika