Il-Qorti tiċħad mill-ġdid talba ta' Busuttil u Casa għal inkjesta dwar 17 Black

Aktar kmieni dan ix-xahar il-Qorti tal-Appell ma laqgħetx it-talba għal inkjesta dwar il-Panama Papers

Il-Qorti reġgħet ċaħdet talba li kienu għamlu l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-Ewroparlamentari David Casa biex tinfetaħ inkjesta dwar allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus wara dak li kien żvela l-Proġett Daphne fuq il-kumpanija 17 Black.

Id-deċiżjoni tal-lum ittieħdet wara li aktar kmieni dan ix-xahar, il-Qorti tal-Appell ma laqgħetx it-talba għal inkjesta dwar il-Panama Papers.

Busuttil u Casa kienu resqu dan ir-rikors f’April li għadda, ftit wara li l-Proġett Daphne kienu ppubblikaw id-dettaljji dwar kif il-kumpanija 17 Black irċeviet €1.3 miljun, fosthom mingħand kumpanija li hija assoċjata mat-tanker tal-LNG.

Il-Maġistrat Francesco Depasquale kien iddeċieda li filwaqt li kien hemm il-prerekwiżiti legali għal inkjesta, innota li l-fatti kollha f’din l-applikazzjoni kienu ppreżentati wkoll quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia ftit qabel l-elezzjoni tal-2017 meta Simon Busuttil kien talab inkjesta dwar il-Panama Papers.

Il-Maġistrat Ian Farrugia kien iddeċieda li kien hemm biżżejjed evidenza biex tibda inkjesta, iżda l-proċeduri staġnaw minħabba appell li kienu għamlu l-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, Adrian Hillman, Karl Cini, Malcolm Scerri u Brian Tonna.

Aktar kmieni dan ix-xahar, l-Imħallef Giovanni Grixti kien laqa’dan l-appell.

Wara din id-deċiżjoni, Busuttil u Casa ppruvaw jerġgħu jitolbu investigazzjoni dwar dak żvelat fl-aħħar xhur fuq il-kumpanija 17 Black għax insistew li t-talba tagħhom dwar dak żvelat mill-Proġett Daphne kienet tinsab “f’limbu legali.”

Madanakollu, illum, il-Maġistrat Depasquale insista li ma hemm l-ebda limbu legali jew ġuddizjali u li d-deċiżjoni li kienet ħadet il-Qorti hija finali, ġaladarba ma kinitx ġiet appellata fiż-żmien stipulat.

'It-tielet daqqa ta' ħarta għal Simon Busuttil'

Intant waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Laburista saħaq li din id-deċiżjoni tal-Qorti hija daqqa oħra politika għal Simon Busuttil u t-tielet waħda fi ftit xhur.

Id-Deputati Edward Zammit Lewis u Robert Abela saħqu li l-Qorti tat risposta ċara li dak li qed jagħmlu Busuttil u Casa mhu xejn għajr “attentati fjakki biex jipprovaw iqajmu mill-mewt rikorsi, kawżi li tilfu.”

Saħqu li l-poplu għandu jieħu nota ta’ dan l-aġir ukoll u insistew li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jinsab idu marbuta għax jibża’ li jitfgħu ‘l barra. 

“Fuq kollox, is-sentenza tal-lum hija kundanna minn sensiela fil-konfront tal-eks Kap tal-Oppozizzjoni Simon Busuttil. Din hija wkoll konferma ta' kemm Busuttil, David Casa u oħrajn jibbażaw il-kampanja tagħhom fuq il-qerq, il-fabbrikazzjoni u l-gideb,” temmew jgħidu d-Deputati.

More in Politika