Il-PD jitlob stqarrija ministerjali mingħand il-Prim Ministru dwar is-sigurtà

Dan wara li l-Huawei qed tkun akkużata b'serq ta' informazzjoni, b’ħasil ta’ flus u anke bi frodi ta’ banek

Il-Partit Demokratiku qed jitlob lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jagħmel Stqarrija Ministerali fil-Parlament dwar is-Sigurtà f’Malta u jispjega jekk hux qed ikunu indirizzati theddid li jista’ jkun hemm.

Fi stqarrija, il-PD għamel referenza għall-fatt li lbieraħ, l-Istati Uniti, waqfu l-operat ta’ Huawei 5G, wara li l-kumpanija ġgant qed tkun akkużata li b'serq ta' informazzjoni, b'ħasil ta' flus u frodi ta’ banek.

Din tal-aħħar issewgi passi simili li ttieħdu f’Awstralja u l-Kanada.

Fl-aħħar xhur, Malta ffirmat Memorandum of Understanding flimkien ma’ din il-kumpanija, fosthom għal għanijiet ta’ riċerka u żvilupp f’dan is-settur.

Il-Kandidat tal-Partit Demokratiku, Martin Cauchi Inglott staqsa jekk is-sigurtà ta’ Malta u tal-Ewropa tinsabx taħt theddida u staqsa jekk Malta għandhiex ir-riżorsi meħtieġa biex iżżomm taħt kontroll u osservazzjoni lil Huawei.

L-istqarrija tisħaq li l-PD huwa kkonċernat u mħasseb dwar is-sigurtà u l-interessi tal-Maltin, waqt li fakkret fl-indiċi ta’ Transparency International dwar il-koruzzjoni, fejn Malta niżlet fil-51 post, l-agħar kklassiffika li qatt kellha.

Fakkret ukoll li fl-aħħar ġimgħat, il-Partit Demokratiku ressaq żewġ Private Members’ Bills fil-Parlament, waħda titlob skrutinju fuq l-MFSA l-eGaming u l-FIAU u l-oħra biex tiġġieled il-kriminalità organizzata fl-ibħra Maltin.

More in Politika