Akkomodazzjoni ġdida għall-istudenti u qraba ta' pazjenti Għawdxin

Dan wara ftehim li ntlaħaq mal-komunità reliġjuża tal-Franġiskani

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li ntlaħaq ftehim mal-komunità reliġjuża tal-Franġiskani biex Villa Lauri sservi bħala post ta’ akkomodazjoni għall-istudenti Għawdxin u anke għall-qraba ta’ nies rikoverati fl-isptarijiet f’Malta.

Din l-akkomodazzjoni se jkollha spazju għal 33 persuna.

Il-Ministru Caruana spjegat li l-Ministeru għal Għawdex ilu jaħdem għal dawn l-aħħar xhur biex tinstab soluzzjoni kemm għall-futuq qarib kif ukoll dak aktar fit-tul biex l-istudenti Għawdxin ikollhom postijiet affordabbli fejn joqogħdu.

Caruana spjegat kif saru diversi taħdidiet biex instab sit biex jilqa’ fih studenti u familjari tal-morda qrib l-Università ta’ Malta. Caruana qalet li din hi miżura tal-baġit li ser tkun qed titwettaq u hi l-bidu ta’ aktar inizjattivi f’dan il-qasam.

Spjegat kif il-Ministeru qed jaħdem fuq pjan ħolistiku u tanġibbli biex jassisti l-istudenti u l-familji tagħhom fejn jirrigwardja l-problema tal-kera.

Apparti minn hekk fakkret li kif imħabbar ukoll fil-baġit, ser jiġu mnedija aktar miżuri biex jiffaċilitaw il-ħajja tal-istudenti Għawdxin li qed ikomplu jistudjaw f’Malta kif ukoll lil dawk il-qraba li għandhom nies rikoverati f’Malta.

More in Politika