‘Naqblu li l-ispiżeriji jibqgħu aktar miftuħa fil-Ħdud u l-festi…imma hawn nuqqas ta’ spiżjara’

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ tgħid mal-gazzetta ILLUM li l-proposta biex l-ispiżeriji jiftħu l-ġurnata kollha fil-Ħdud u l-festi ġiet diskussa diversi drabi iżda qatt ma ntlaħaq ftehim

Il-President tal-Kamra tal-Ispiżjara, Mary Ann Sant Fournier, qalet mal-gazzetta ILLUM li l-Kamra taqbel li fil-Ħdud u anke l-festi, l-ispiżeriji jiftħu għal aktar ħin, iżda saħqet ukoll li teżisti problema ta’ nuqqas ta’ spiżjara fil-komunità li tagħmel din il-proposta xi ftit jew wisq diffiċli.

Din il-gazzetta bagħtet tistaqsi kemm lill-Kamra tal-Ispiżjara u anke lill-Ministeru għas-Saħħa dwar jekk qattx iddiskutew il-possibbilità li fil-Ħdud u l-festi l-ispiżeriji jibdew jiftħu għal aktar ħin, biex min ikollu bżonn is-servizz tagħhom waranofsinhar jew filgħaxija isib minn fejn jinqeda.

Li normalment jiġri huwa li min ma jilħaqx spiżerija miftuħa l-Ħadd jew f’xi festa, ikollu jmur l-ispiżerija tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u mhux l-ewwel darba li l-kju kien jaqsam it-terminal tal-wasliet. Mhux hekk biss, immaġina x’battikata għal dik il-persuna minn xi Mellieħa jew San Pawl il-Baħar li l-Ħadd waranofsinhar tħossha ma tiflaħx, iġġib it-tabib u jkollha bżonn tixtri l-mediċina.

Sant Fournier fakkret li l-ispiżeriji huma marbuta bil-Liġi biex isegwu roster maħruġa mill-Awtorità Maltija għall-Mediċina li tistipola liema spiżeriji għandhom jiftħu fil-Ħdud u l-festi. Dawn l-ispiżeriji, li jkun imisshom il-Ħdud jew inkella f’xi festa, għandhom jiftħu għal ħin minimu ta’ tliet sigħat, jiġifieri bejn id-disgħa u nofsinhar.

Minkejja dan, kompliet tispjega l-President tal-Kamra tal-Ispiżjara, hemm spiżeriji li jmorru lil hinn minn dan il-minimnu u jiftħu għal iżjed minn tliet sigħat. “Għandhom il-libertà kollha li jagħmlu dan,” kompliet Sant Fournier.

‘Ma nistgħux nibqgħu nġebbdu s-servizz għad-detriment tal-ispiżjara’

Iżda jidher li l-proposta li l-ispiżeriji jiftħu l-ġurnata kollha fil-Ħdud u l-festi ġiet diskussa kemm-il darba f’dawn l-aħħar snin. Anke jekk il-Ministeru għas-Saħħa qal mal-ILLUM li din il-possibbilità se tkun diskussa ma’ dawk kollha involuti fil-qasam, Mary Ann Sant Fournier saħqet li ftehim qatt ma ntlaħaq.

Kompliet tispjega kif wieħed mill-akbar ostakli għal din il-possibbilità hija n-nuqqas ta’ spiżjara fil-komunità.

“Ma nistgħux inġebbdu s-serzizz iżjed bil-konsegwenza li jkollna spiżjara għajjiena, bla ħin ta’ mistrieħ jew mingħajr l-ebda ħin ta’ kwalità mal-familja,” saħqet il-President tal-Kamra.

Filwaqt li nsistiet li l-Kamra tal-Ispiżjara taqbel fil-prinċipju li spiżeriji għandhom jiftħu għal aktar ħin fil-Ħdud u l-festi, fakkret li wieħed ma għandux jinsa lanqas il-bżonnijiet tal-ispiżjara.

In-nuqqas ta’ spiżjara, mhux biss dawk fil-komunità, ilu jinħass tant li f’Marzu tas-sena li għaddiet, waqt is-simpożju annwali tad-Dipartiment tal-Farmaċewtika, fi ħdan l-Università ta’ Malta, l-ispiżjar veteran Anthony Serracino Inglott kien qal li fl-industrija hawn nuqqas ta’ madwar 200 spiżjar u spiżjara u dan meta mill-Università qed joħorġu madwar 20 spiżjar u spiżjara kull sena.

Kien fakkar li filwaqt li x-xogħol tal-ispiżjara fil-komunità jibqa’ essenzjali, għax wara x’aktarx huwa l-ewwel referenza tal-pazjenti u għalhekk huma element importanti fil-kura tas-saħħa primarja, jibqa’ l-fatt li qed jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol għall-ispiżjara f’diversi oqsma u għalhekk id-domanda qed tibqa’ tikber.

Għalhekk l-appell, kemm ta’ Serracino Inglott u anke tal-Kamra tal-Ispiżjara, dejjem kien li jkun hawn kampanji u inizjattivi li jżidu għarfien dwar l-importanza u l-opportunitajiet għall-ispiżjara, bl-għan li aktar żgħażagħ jagħżlu din il-professjoni importanti.

More in Politika