30 każin tal-banda ibbenefikaw minn €150,000

Il-każini tal-banda għadhom rwol intrinsiku – dak li jkunu nukleu kulturali ħaj fi ħdan il-lokalitajiet tagħna - Owen Bonnici

Attivisti tal-banda Beland, Żejtun | Ritratt mill-paġna ta' FB tal-banda Beland
Attivisti tal-banda Beland, Żejtun | Ritratt mill-paġna ta' FB tal-banda Beland

30 każin tal-banda ibbenefikaw minn €150,000 permezz ta’ fond immexxi mill-Għaqda Każini tal-Banda u l-Kunsill Malti għall-Arti, fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Dan il-fond, li hu disponibbli għat-tieni sena konsekuttiva, għandu l-għan li jsaħħaħ ix-xogħol li jsir mill-każini tal-banda, li għandhom parti importanti fil-komunitajiet tagħna, kif ukoll iservu ta’ ċentri kulturali għal attivitajiet.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici li kien preżenti għal din iċ-ċerimonja rrefera għall-importanza ta’ inizjattivi ta’ din is-sura. “Il-każini tal-banda għadhom rwol intrinsiku – dak li jkunu nukleu kulturali ħaj fi ħdan il-lokalitajiet tagħna. Dawn jorganizzaw attivitajiet kulturali matul is-sena kollha u jkomplu jżommu t-tradizzjonijiet lokali li huma parti essenzjali mit-tessut kulturali u soċjali ta’ pajjiżna.”

“Apparti dan, il-każini tal-banda għandhom rwol komunitarju importanti li jservu ta’ pont għall-kultura u l-arti. Aħna kommessi bis-sħiħ li nkomplu nagħtu l-appoġġ tagħna għal dawn it-tip ta’ inizjattivi minħabba li jservu ta’ pjattaforma li tkompli ssaħħaħ it-tradizzjonijiet tagħna, kif ukoll is-settur kulturali, filwaqt li jkomplu jagħmluh aktar aċċessibbli,” stqarr il-Ministru Bonnici.

Dan il-fond kien disponibbli għall-każini tal-banda ta’ Malta u Għawdex li kienu rreġistrati bħala organizzazzjonijiet volontarji u kienu konformi mal-Att ta’ Organizzazzjonijiet Volontarji sad-data ta’ għeluq tal-applikazzjonijet.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal li, “bħala parti mill-impenn fit-twettiq ta’ programm agressiv favur l-inklussività u d-demokratizzazzjoni tad-distribuzzjoni tal-fondi pubbliċi, il-Kunsill Malti għall-Arti jfittex li jagħmel kuntatti sodi mal-komunitajiet lokali, il-każini tal-banda u l-organizazzjonijiet volontarji, u jħeġġiġhom jipparteċipaw attivament fil-proċess tal-għoti ta’ fondi għat-twettiq tal-proġetti kulturali tagħhom.”

L-għan ewlieni ta’ dn il-proġett kien it-tnedija ta’ skema ta’ fondi li tipprovdi lill-kazini tal-banda rispettivi b’appoġġ għall-inizjattivi u l-proposti tagħhom stess. Dawn inkludew restawr ta’ oġġetti/opri  li għandhom fis-sede uffiċjali tagħhom bħal arkivji mużikali u strumenti antiki, u t-tisħiħ ta’ tagħlim mużikali fi ħdan l-organizzazzjoni b’assistenza għas-surmastrijiet u għalliema permezz ta’ programmi ta’ taħriġ f’istituzzjonijiet edukattivi ta’ livell terzjarju f’pajjiżna.

Il-każini tal-banda kienu eleġibbli japplikaw ukoll għal fondi biex jirrestawraw u jsaħħu l-infrastruttura li permezz tagħha jistgħu jagħmlu l-ambjenti tat-tagħlim u eżekuzzjoni mużikali aktar professjonali, isaħħu s-sistemi amministrattivi interni li huma prinċiparjament relatati mal-mużiċisti, u l-implimentazzjoni ta’ proġetti innovattivi li bihom il-każini tal-banda jkunu jistgħu jespandu l-attività mużikali tagħhom f’Malta u lil hinn minnha.

Kull każin tal-banda seta’ japplika għall-proġett li jiswa €5,000 jew €10,000; l-għotjiet koprew 85 fil-mija jew 75 fil-mija tal-ispejjeż tal-proġett rispettivament. Il-proġetti ta’ profitt ma kinux eliġibbli.

Lista ta’ benefiċjarji:

Soċjetà La Stella Levantina, Banda Santa Marija, Ħ’Attard

Għaqda Banda Żejtun, Żejtun

Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria, Żurrieq

Għaqda Mużikali Santa Marija, Ħal Għaxaq

Soċjetà Filarmonika, L-Unjoni, Ħal Luqa

Soċjetà Mużikali Beland, Żejtun

Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, Mqabba

Għaqda Mużikali Sant Elena, Birkirkara

Għaqda Mużikali Imperial, Mellieħa

Għaqda Mużikali Banda San Filep, Ħaż-Żebbuġ

Soċjetà San Pawl Banda Konti Ruġġieru, Rabat, Malta

Soċjetà Filarmonika La Vittoria, Mellieħa

Soċjetà Filarmonika Stella Maris, Tas-Sliema

Soċjetà Filarmonika, Santa Marija, Żebbuġ, Għawdex

Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa , Birżebbuġa

Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own, Birgu

Peace Band Club, Naxxar

Soċjetà Mużikali San Ġużepp, Ħal Kirkop

Għaqda Mużikali San Leonardu, Ħal Kirkop

Ċirkolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Famiglia, Kalkara

Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju, Mqabba

Soċjetà Filarmonika Nicolo Isouard, Mosta

Għaqda Mużikali San Ġużepp, Ħal Għaxaq

Soċjetà Mużikali Santa Katarina, Żurrieq

Għaqda Mużikali u Soċjali Madonna tal-Karmnu Fgura, Fgura

Għaqda Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja, Naxxar

Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri, Ħal Qormi

Każin Banda San Pawl, Ħal Safi

Għaqda Mużikali Sant’Anna, Marsascala

Għaqda Mużikali San Ġiljan, San Ġiljan

More in Politika