Ittra 'faxxista' titlob lid-Deputati tal-PN ikeċċu lill-'klikka tal-kukkudrilli'

  • L-illum.com.mt tippubblika ittra li ntbagħtet lid-Deputati Nazzjonalisti d-dar tagħhom stess, immarkata bis-simbolu tal-Faxxisti
  • L-ittra titlob li jitwaqqaf tribunal li jeżamina jekk dawn id-Deputati tradewx lill-partit
  • Kelliem tal-PN jikkonferma l-preżenza tal-ittra u t-tixrid tagħha fil-partit

Dan is-sit jista' jiżvela ittra bi kliem aħrax ħafna li qed titqassam fil-Partit Nazzjonalista u li qed titlob għat-tkeċċija ta' dawk id-Deputati li qed jeħduha kontra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Sors li għadda din l-ittra lis-sit illum.com.mt qal illi d-Deputati tal-PN irċevewha f'darhom, jiġifieri minn bagħat din l-ittra kellu l-indirizz ta' kull Deputat. 

L-ittra, li għal ħafna drabi issejjaħ lil dawk kontra Delia bħala 'kukkanja kukkudrilli' jew 'kukkanja kodarda', hija ffirmata minn anonimu li jsejjaħ lilu nnifsu 'Chairman għad-Djalogu għas-Sewwa'. L-ittra għandha l-emblema tal-Faxxisti fl-ewwel paġna tagħha.

Il-preżenza tal-ittra u l-fatt li din qed titqassam mad-Deputati tal-PN, fost oħrajn, kien ikkonfermat ma' dan is-sit mill-kelliem għall-Partit Nazzjonalista. 

L-ewwel parti tal-ittra, bit-timbru tal-Faxxisti
L-ewwel parti tal-ittra, bit-timbru tal-Faxxisti

Lejn l-aħħar tal-ittra l-anonimu faxxist jagħmel appell biex dawn il-kukkudrilli jitkeċċew minn kull kariga fil-partit; "Nesiġu li dawn il-kukkudrilli li fil-fatt huma l-akbar kompliċi tal-Partit Laburista u li għamilna għomorna nikkumbattu kontrieh jitneħħew minn kull kariga fil-partit u jitwaqqaf tribunal li jeżamina lil kull wieħed u waħda minnhom bil-ħsieb li min qed jitradixxi lill-partit jitkeċċa minnufih. U jingħata f'idejn il-membri biex jiddisponi minnhom. Hu imperattiv li l-awtorità tal-kap tiġi rikonoxxuta u infurzata fuq kulħadd mingħajr eċċezzjoni," tgħid l-ittra. 

L-ittra tgħid ukoll li sar kuntatt, fosthom ma' Antonio Tajani, biex ikun infurmat dwar dak li qed iseħħ fil-partit. L-istess awtur sostna illi dawk ta' kontra Delia huma "attakki vili" minn "manigoldi". Huma tefgħu wkoll il-ħtija tal-ippublikar tal-filmati fuq dawn "il-kukkudrilli". 

More in Politika