Is-Sea-Watch 3 tibqa' sejra lejn Sqallija; Malta tappella biex l-Italja tagħti kenn lill-immigranti

Ftit tal-jiem ilu, meta l-bastiment kien viċin Malta, Salvini kien appella lil Malta biex tagħti kenn lill-immigranti minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp

Il-bastiment Sea-Watch 3, li għandu fuqu 47 immigrant u li lbieraħ deher ibaħħar lejn Malta, jidher li jinsab fi triqtu lejn Sqallija.

Dan anke jekk fuq Twitter, id-Deputat Prim Ministru Taljan Matteo Salvini qal li l-bastiment jinsab fi triqtu lejn Malta minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp.

Kompla jgħid li “huwa neċessarju li Malta tħalliha tidħol fil-portijiet tagħha waqt li l-Olanda huma lesti jikkollaboraw,” qal Salvini iżda insista li fl-Italja l-portijiet huma magħluqa.

Iżda skont MarineTraffic.com, anke jekk is-Sea-Watch 3 għaddiet viċin Malta, hi baqgħet għaddejja u bħalissa tinsab viċin ħafna ta’ Sqallija.

F’kumment mat-Times of Malta, rappreżentant tal-Gvern qal li ladarba Salvini iddikjara li Malta għandha tagħti kenn lill-bastiment minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp, issa għandu jagħmel l-istess hu ġaladarba l-bastiment jinsab viċin Sqallija.

Skont l-NGO, hija salvat l-immigranti nhar is-Sibt li għadda iżda qalet ukoll li madwar 100 persuna oħra laħqu għerqu.

More in Politika