'Il-Kummissjoni Ewropea ċċertifikat dak li jgħid il-PN dwar il-bejgħ tal-passaporti'

Il-PN  jagħmilha ċara...li l-bejgħ tal-passaporti li daħħal il-Gvern Laburista ġab miegħu bosta riperkussjonijiet serji' - Karol Aquilina

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina
Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina

"Il-Kummissjoni Ewropea llum ċċertifikat dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jgħid, jiġifieri li l-bejgħ tal-passaporti qed iġib miegħu riskji kbar li qed jipperikolaw ir-reputazzjoni ta' pajjiżna" Hekk sostna d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Carol Aquilina b'reazzjoni għal rapport li kien ippublikat mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskemi ta' ċittadinanza madwar l-Unjoni Ewropea. 

Minkejja li l-Kummissjoni Ewropea m'għandhiex dritt twaqqaf pajjiżi bħal Malta milli jkollhom skemi ta' ċittadinanza, l-istess rapport xorta kien eku tal-Kummissarju  Ewropew Věra Jourova li qalet illi skemi bħal dawn huma riskju għall-istati membri u l-Unjoni Ewropea, inkluż f'termini ta' sigurtà, ħasil ta' flus, korruzzjoni u nuqqqas ta' osservanza tar-regoli tal-UE u l-evażjoni tat-taxxa. 

Intqal fir-rapport, illi l-UE se tkun qed tħares lejn bilanċ ta' sigurtà għal dawn l-iskemi, inkluż ir-riskji li dawn jistgħu jġibu magħhom. 

"Il-Partit Nazzjonalista jagħmilha ċara li r-reputazzjoni ta' Malta qatt ma kienet taħt il-lenti fil-passat u li l-bejgħ tal-passaporti li daħħal il-Gvern Laburista ġab miegħu bosta riperkussjonijiet serji minħabba n-nuqqas ta' due diligence tajjeb li qed isir fuq min qed japplika biex jixtri ċ-ċittadinanza Maltija," sostna Aquilina. 

Huwa kompla jgħid li għalhekk il-PN qed jinsisti mal-Gvern li għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex jissalvagwardja isem pajjiżna u r-reputazzjoni tagħna biex ma ssirx aktar ħsara lill-investiment.

"Il-Partit Nazzjonalista jibqa' kontra l-bejgħ taċ-ċittadinanza u se jibqa' jagħmel pressjoni kbira fuq il-Gvern biex jiġu mħarsa setturi relatati bħalma huwa s-settur tas-servizzi finanzjarji li joffri eluf ta' postijiet tax-xogħol lill-professjonisti u ż-żgħażagħ."

'Delia jrid ireġġa l-arloġġ lura' - Partit Laburista

Intant fi tweġiba l-Partit Laburista sostna, il-kontra tal-Partit Nazzjonalista, li bir-rapport tagħha Kummissjoni Ewropea fil-fatt iżola lill-PN.

"Dan għax minkejja d-diversi suġġerimenti li saru mill-Kummissjoni Ewropea l-istituzzjoni Ewropea mkien m’għamlet bħal Adrian Delia u qalet li programmi simili m’għandhomx jeżistu. Minflok saru sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet li l-Gvern Malti diġa’ ddikjara li jaqbel magħhom."

"Il-Partit Nazzjonalista ta’ Adrian Delia jrid ireġġa’ l-arloġġ lura billi jimmina programm li qed ikun ta’ benefiċċju ekonomiku għall-pajjiżna," sostna l-Partit Laburista. 

More in Politika