Tliet kunsilli u numru ta' għaqdiet jitolbu laqgħa urġenti dwar il-ftehim mal-Corinthia

Il-Kunsilli Lokali ta' Pembroke, San Ġiljan u Swieqi flimkien ma' FAA, Din l-Art Ħelwa, Birdlife, Żminijietna, Ramblers, Moviment Graffitti u diversi għaqdiet ta' residenti jitolbu konsultazzjoni mill-aktar fis

Numru  ta’ għaqdiet, gruppi tar-residenti u tliet Kunsilli Lokali kitbu lid-Deputat Alex Muscat, Chairman tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, sabiex jitolbu għal laqgħa urġenti tal-Kumitat dwar il-konċessjoni imminenti ta’ drittijiet fuq l-art u l-ambjent lill-grupp Corinthia (IHI).

Huma qalu li l-iskop, it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ ftehim jew konċessjoni bħal din se jkollhom riperkussjonijiet fuq il-partijiet interessati, il-pubbliku u l-ambjent naturali, u li dawn ir-riperkussjonijiet se jkunu diretti u se jimpattaw il-kwalità tal-ħajja. "Skont il-Konvenzjoni Aarhus, li ġiet iffirmata u irratifikata mill-Gvern Malti, huwa prinċipju stabbilit li l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fi stadju fejn l-għażliet kollha għadhom miftuħa, huwa rekwiżit meta decizjoniet daqshekk importanti jkunu qed jittieħdu," sostnew.

Fi stqarrija qalu wkoll li l-pubbliku għandu dritt ikun jaf jekk l-istudji meħtieġa għal "żvilupp daqshekk massiċċ sarux u ġewx konklużi." Għalkemm din mhijiex applikazzjoni għal żvilupp, l-abbozz tal-ftehim mal-Corinthia jirreferi għar-reklamazzjoni ta’ qiegħ il-baħar u fatturi oħra li, fil-prattika, jagħmlu l-kisba ta’ permess għall-iżvilupp bħala fait accompli.

Minħabba li l-iffirmar ta’ dan il-ftehim huwa imminenti, l-għaqdiet, il-gruppi tar-residenti u l-Kunsilli Lokali talbu għal laqgħa urġenti tal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, bil-preżenza tal-entitajiet involuti f’din il-konċessjoni, sabiex id-dritt tal-pubbliku li jkun infurmat, u l-iskrutinju meħtieġ, ikunu żgurati.

It-talba saret minn:

Kunsilli Lokali: Pembroke, Swieqi u San Ġiljan

NGOs: Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, BirdLife Malta, Żminijietna – Voice of the Left u Ramblers Association

Gruppi tar-residenti: Residenti ta’ Pembroke, San Ġiljan, St. Andrews, Sliema, Għargħur u Baħar iċ-Ċagħaq

Ara x'irrappurtat il-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd li għadda dwar dan il-ftehim u kif jaħsbuha numru ta' Deputati tal-Gvern

Ara l-Editorjal tal-gazzetta dwar l-istess ftehim mal-Corinthia

 

More in Politika