Żewġt irġiel arrestati wara sejba ta' aktar minn 12-il kilo droga lesta biex titqassam

Id-droga nstabet fil-karozza u anke fil-garaxx ta' wieħed mill-akkużati

Żewġt irġiel ġew arrestati wara li l-Pulizija għamlet sejba ta' aktar minn 12-il kilogramma droga kokaina u kannabis lesta biex tkun imqassma.

Kollox beda lbieraħ waranofsinhar, għall-ħabta tat-3pm, meta raġel ta' 33 sena residenti l-Ħamrun twaqqaf u fil-karozza tiegħu nstagħbu madwar kilo u nofs kapsoli mimlija droga kokaina lesta biex titqassam.

Minn tfittxija li saret ġewwa garaxx tar-raġel arrestat,  li jinsab ġewwa kumpless ta' garaxxijiet fil-Ħamrun, instagħbu diversi pakketti, madwar 11.5 kilogrammi, bil-pjanta tal-kannabis.

B'rabta ma' dan il-każ ġie arrestat ukoll żagħżugħ ta' 27 sena residenti l-Mosta biex jgħin lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejin.

Iż-żewġ persuni mistennija jitressqu taħt arrest tard illum quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli.

More in Politika